SHout illum żvelat li kaċċaturi madwar l-Ewropa qed jaħdmu fuq proġett biex isalvaw il-gamiem. Dan biex imbagħad f'Malta l-kaċċaturi għadhom qed jiġġieldu biex jitħallew jisparaw fuqhom fi triqithom biex ibejtu f’April. Dan qalitu SHout f’reazzjoni għall-istqarrija tal-kaċċaturi dwar ‘kaċċa sostenibbli’ dalgħodu.
SHout kompliet isostni li l-gamiem naqas bi kważi 80% fi tletin sena skont rapporti xjentifiċi, u proġett ġdid pan-Ewropew ġie mniedi biex jindirizza dan it-tnaqqis u jsalva l-ispeċi. FACE, l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni, qed taħdem ma' BirdLife Europe fuq proġett ta’ tliet snin, wieħed mill-ikbar fl-Ewropa, biex jiġi salvat il-gamiem li dejjem qiegħed jonqos. Il-proġètt jipproponi li l-erba' fatturi ewlenin assoċjati mat-tnaqqis tal-gamiem jinkludu n-nuqqas ta' abitat fejn ibejtu, u livelli mhux sostenibbli ta' kaċċa fuq il-migrazzjoni u l-mard.
Malta iżda tibqa’ l-uniku pajjiż fl-Ewropa li tispara fuq din it-tajra fi triqitha biex tbid, waqt li kaċċaturi oħra f’partijiet oħra tal-Ewropa ndunaw li dan l-għasfur qiegħed fil-periklu, kompliet tgħid SHout.
Mark Sultana, kelliem għal SHout qal, “Li nisparaw fuq il-gamiem fir-rebbiegħa hu inaċċettabli f’pajjiżna u madwar l-Unjoni Ewropea. Malta hu l-uniku pajjiż fil-Mediterran fejn il-gamiem ma jbidx, minħabba li kull għasfur li jipprova jbejjet hawn jiġi maqtul fir-rebbiegħa.”
“Waqt li pajjiżi oħra fl-Ewropa qed jaħdmu fuq proġetti biex jinkoraġixxu l-gamiem biex ibejjet u jirkupra, f’Malta sezzjoni mis-soċjetà tagħna moħħha biex teqridhom. Vot ‘Le’ fir-referendum iwaqqaf il-mistħija fuq Malta darba għal dejjem." temm jgħid Sultana.