“Il-Prim Ministru Joseph Muscat ġie elett fuq il-wegħda tat-trasparenza li tant tkellem dwarha qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Madanakollu, sentejn wara, huwa kkonfermat li Muscat ma jemmen xejn fit-trasparenza, u f’sentejn fil-Gvern għamel minn kollox biex jaħbi affarijiet mill-poplu Malti u Għawdxi.” Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said f’konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni wara nofs in-nhar fejn l-Oppożizzjoni ppubblikat 11-il kuntratt li l-Gvern iffirma u li ma ppublikax.
“Għandna Gvern li jintrabat fuq diversi affarijiet u flok jiddiskuti dawn il-kuntratti fil-Parlament, jaħbihom, biex la l-Oppożizzjoni u wisq aktar il-poplu Malti u Għawdxi ma jsir jaf bihom u jkun jista’ jkun jaf xi ftiehem il-Gvern minn wara dahar kulħadd” qal Chris Said.
Tkellem ukoll ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Drittijiet taċ-Ċittadin u d-Demokrazija Jason Azzopardi li semma l-lista ta’ kuntratti li l-Oppożizzjoni kienet qed tippublika u li l-Gvern żammhom mistura. Il-lista ppublikata telenka dawn il-kuntratti:
- Kuntratt li permezz tiegħu, d-Dipartiment tal-Artijiet xtara mingħand Vault Finance Ltd. il-Marsa Power Station
- Ftehim privat bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u l-Enemalta, li permezz tiegħu, l-Enemalta ngħatat 310,000 metru kwadru ta’ artijiet tal-Gvern għall-installazzjoni ta’ PVs għal 25 sena
- Kuntratt ta’ ċens temporanju mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta għal 25 sena l-art tal-Powerstation f’Marsaxlokk
- Kuntratt ta’ ċens temporanju mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta għal 99 sena għall-Powerstation fil-Marsa
- Kuntratt ta’ ċens temporanju mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta għal 65 sena li beda jgħodd mill-2004 ta’ diversi siti f’Ħal Għaxaq
- 3 kuntratti li emendaw kuntratti ta’ ċnus preċedenti biex l-Enemalta tkun tista’ tiddisponi mill-proprjetajiet mgħotija lilha
- Kuntratt ta’ bejgħ mingħand il-Petromal Company Ltd. lil Enemed Company Ltd. tas-siti f’Ħas Saptan, Ħal Għaxaq u t-Terminal ta’ Marsaxlokk
- Kuntratt bejn l-Enemalta u D3 Power Generation Limited, ta’ ċens temporanju tal-Powerstation tal-BWSC
- Kuntratt ta’ kera mingħand l-Enemalta lill-Electrogas għall-bini tal-Powerstation tal-gass f’Marsaxlokk għal 22 sena li jista’ jiġġeded għal 34 sena
Tkellmet ukoll ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici li qalet li Gvern li ma jkunx trasparenti jfisser li l-Gvern ikollu x’jaħbi. Hi staqsiet għalfejn u x’qiegħed jaħbi l-Gvern. Hi semmiet lista’ ta’ kuntratti li l-Gvern għadu qiegħed jaħbi u nsistiet li dawn jiġu ppubblikati immedjatament. Fost l-oħrajn, semmiet :
- Il-kuntratt kollu li l-Gvern iffirma ma’ Henley & Partners
- il-kuntratt li l-Gvern iffirma max-Shangai Electric dwar ix-xiri tal-BWSC
- il-kuntratt li l-Gvern iffirma max-Shangai Electric dwar il-bejgħ tal-Enemalta
- il-kuntratt li l-Gvern iffirma mal-Electrogas dwar il-Powerstation il-ġdida
- il-kuntratti tal-hedging li l-Gvern għamel mas-SOCAR tal-Ażerbajġan u li wasslu għal telf ta’ €14-il miljun
- il-kuntratt li l-Gvern iffirma ma’ Barts
- il-kuntratt li l-Gvern iffirma mal-Autobuses de Leon