"Dawn huma elezzjonijiet lokali, miggielda fuq livell lokali ghalkemm jinfluwenzawhom fatturi nazzjonali." Dan qalu Karol Aquilina, Sindku Nazzjonalista fir-raħal tas-Siġġiewi, waqt dibattitu fil-programm Reporter immexxi minn Saviour Balzan. Mistiedna għall-istess dibattitu kien hemm Noel Muscat, Sindku Nazzjonalista fis-Swieqi, Alex Muscat, kunsillier Laburista fil-Mosta u Josianne Cutajar, kunsilliera Laburista fin-Nadur Għawdex.
Id-distinzjoni bejn dak li hu nazzjonali u dak li hu lokali kien iċ-ċentru tad-diskussjoni, hekk kif dawn l-elezzjonijiet minn bosta jitqiesu bħala test għat-tmexxija nazzjonali. "L-elezzjonijiet huma test għall-Gvern" sostna, Alex Muscat, filwaqt li stqarr li "l-maġġoranza tista' tintilef daqskemm tista' tinżamm." Il-kandidati Laburisti faħħru xogħol it-tmexxija nazzjonali Laburista, fejn Josianne Cutajar ħeġġet lill-Għawdxin iħarsu lejn "l-aħħar sentejn tal-Partit Laburista - araw x'sar f'Għawdex." Cutajar għamlet riferiment partikolari għall-investiment li tħabbar dan l-aħħar f'Għawdex, b'mod partikolari dak fl-Iskola Medika ta' Barts. Mistoqsija minn Saviour Balzan dwar jekk l-aħħar avvenimenti li rajna jiżviluppaw f'Għawdex sarux ħabba politika jew ħabba kultura, u dwar jekk Għawdex għandux bżonn bidla fil-kultura, Cutajar wieġbet li "Jekk hemm min qed jgħid li hi kultura – forsi hu parti mill-instigazzjoni ta’ din il-kultura. Jien Għawdxija u ma nemminx li biex tinqeda trid tmur xi ministeru jew tkellem xi politiku flok ieħor."
Dwar l-allegat kunflitt ta' interess dwar rapport li juri l-istat tat-toroq fil-Mosta, fejn is-Sindku tal-Mosta Shirley Farrugia allegatament ippreżentat lil parlament b'verżjoni mhux aġġornata tat-toroq fil-Mosta sabiex taħbi l-istat ħażin li fihom kienu jinstabu 90 triq fil-Mosta, is-Sindku tas-Siggiewi Karol Aquilina, filwaqt li ddefenda l-azzjonijiet tagħha, qal li kieku kien minflokha kien jirreżenja.
Għall-problema ta' ffinanzjar għall-kunsilli, Noel Muscat wieġeb li jekk Kunsill mhux jingħata fondi biex iwettaq proġett, "għaliex qed jingħata r-responsabilita?" Hu stqarr li hemm bżonn li jkun hemm qsim ta' informazzjoni bejn nies b'esperjenza u għarfien biex "tinħareġ soluzzjoni biex naraw kif ħa nħallu l-kunsilli ħajjin." Min-naħa l-oħra Alex Muscat sostna li dan hu fejn "in-nazzjonal u l-lokali jsir ħaġa waħda. Il-gvern ra li bhalma indirizza l-enerġija u s-saħħa, il-proġett kapitali li jmiss hija l-infrastruttura. Ġa bdejna naħsbu f’sistemi ġodda kif anke ninvolvu l-privat." Fuq dan Karol Aquilina qal li fis-Siġġiewi "imxejna bil-għaqal u bi prijorita", hekk kif it-toroq f'dan ir-raħal tlestew kollha. Hu sostna li hemm bżonn ta' reviżjoni dwar kif jitqassmu l-fondi - b'fondi jitqassmu fuq medda twila flok fuq medda qasira sabiex ikun hemm ippjanar aħjar.
Filwaqt li Noel Muscat sostna sabiex dawn l-elezzjonijiet lokali, jinżammu lokali u mhux nazzjonali, Josianne Cutajar u Alex Muscat rreferew għat-tmexxija nazzjonali taħt Gvern Laburista, u ħeġġew l-elettorat jagħti ħarsa lejn dak li sar f'dawn is-sentejn - fejn Alex Muscat qal li "Kunsilli tal-Partit Laburista ħa jkollhom l-istess ħeġġa li għandu Gvern Laburista biex jaħdem u jwettaq." Min-naħa tiegħu, Karol Aquilina ħeġġeġ lill-elettorat joħroġ jivvota fejn temm jgħid li dawn l-elezzjonijiet lokali "għandhom vantagg għax ġejjin mar-referendum - għax hekk nistgħu nifhmu s-soċjeta tagħna x’inhi bħalissa."