Il-Kap tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, Jonathan Cardona, ma tantx għandu tama li dawk l-individwi sinjuri li se jixtru ċ-ċittadinanza Maltija se jiġu jgħixu Malta.
Meta kien qed jagħti kummenti lil Bloomberg Business, Cardona li huwa l-kap tal-IIP, deher li ma kienx kapaċi jispjega xi jfisser realment il-perjodu ta' 12-il xahar ta' residenza li jridu jaghmlu dawk li japplikaw għal din l-iskema.
"Ma jingħadx li din ir-residenza trid tkun waħda fiżika," qal Cardona.
Dan jikkuntrasta ma' dak li kien qal Joseph Muscat meta kien qed jindirizza konferenza ta' Henley & Parker f'New York, meta kien qed jipprova jbigħ din l-idea ta' ċittadinanza Maltija. Muscat kein qal, "Malta trid it-talenti tagħkom u mhux fluskom. In-netwerks tagħkom u mhux il-kontijiet tagħkom."
B'ċertu dubju dwar xi jfisser eżattament il-perjodu ta' 12-il xahar ta' residenza, huwa ċar li lanqas Cardona ma jemmen li dawk is-sinjuri li jridu passaport Malti (li jippermetti ċaqliq ħieles fl-UE u vjaġġar lejn l-Amerika mingħajr bżonn taț visa) se jiġu joqogħdu hawn.