Proġett favur il-konservazzjoni tal-ilma fir-Rabat

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ħabbar proġett favur il-konservazzjoni tal-ilma mmirat fiż-żona tan-Nigret, fir-Rabat Malta. 

Waqt li spjega kif bħalissa diġà jinsabu għaddejjin ix-xogħlijiet sabiex tinbidel is-sistema tad-drenaġġ kif ukoll jingħata wiċċ ġdid lil Vjal il-Ħaddiem li tibda proprju minn ħdejn iż-żona tan-Nigret, is-Segretarju Parlamentari qal li issa se jkun qed jingħata bidu għal proġett ieħor importanti li mistenni jkompli jiġġenera liż-żona msemmija b’mod ferm aktar ħolistiku.

Iċ-Ċentru propost minflok ir-roundabout
Iċ-Ċentru propost minflok ir-roundabout

Dr. Borg spjega li apparti l-Fondi Ewropej, id-Diviżjoni tal-Fondi u Programmi fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej tamministra wkoll il-Fondi Norveġiżi u l-Unjoni Ekonomika Ewropea magħrufa aħjar bħala n-Norway/EEA Grants. Dan il-proġett se jkun iffinanzjat appuntu permezz ta’ dan il-fond.

Il-proġett jikkonsisti f’roundabout kbira li se tkun qed tiġi trasformata f’żona ta’ rikreazzjoni miftuħa. Fost affarijiet oħra l-proġett mistenni jinkludi ġnien u playing area għat-tfal, żieda fil-parkeġġ iżda fuq kollox, ċentru ta’ informazzoni fuq il-konservazzjoni tal-ilma. Borg spjega wkoll li se ssir ukoll bidla fis-sistema tat-traffiku sabiex l-ispazju taż-żona jibda jintuża ferm aħjar.

Il-proġett se jitmexxa mit-Taqsima għall-Enerġija Sostenibbli u Konservazzjoni tal-Ilma (SEWCU) fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, li fost oħrajn huwa responsabbli mill-Kampanja Nazzjonali għall-Immaniġġjar aħjar u Konservazzjoni tal-Ilma.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif din ir-roundabout – li bosta ilhom żmien twil jilmentaw dwarha minħabba l-kobor tagħha u l-użu mhux sfruttat tagħha - se tkun qed tiġi mibdula f’ċentru għall-familja kollha bil-għan li dan iservi mhux biss bħala post ta’ rikreazzjoni imma wkoll ta’ tagħlim dwar il-konservazzjoni tal-ilma. Il-viżitaturi se jkunu qed jingħataw esperjenza interattiva fuq l-isfida li jiffaċċjaw il-gżejjer Maltin fis-settur tal-ilma, filwaqt li jilqa’ fih esibizzjonijiet perjodiċi u laqgħat informattivi għall-pubbliku fuq kwistjonijiet relatati mal-ilma.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif dan iċ-ċentru se jkun qed jinkludi wkoll aspetti edukattivi hekk kif se jkollu ‘mixja xjentifika’ fejn it-tfal jingħataw esperjenza hands-on fuq strumenti ta’ kejl tal-ilma u attivitajiet oħra relatati mal-ilma.

Borg kompla jgħid li dan iċ-ċentru se joffri wkoll informazzjoni ġenerali lil dak il-viżitatur każwali permezz ta’ mixjiet informattivi fuq il-kultura tal-ilma f’dan l-inħawi tal-gżira u l-karatteristiċi ġenerali tal-immaniġġjar tal-ilma fil-gżejjer Maltin. Huwa spjega kif l-ilma ġieri tax-xita ta’ dan l-inħawi se jkun qed jinġabar f’ġibjuni biex jintuża għal skopijiet sekondarji u biex isaqqi s-siġar u l-pjanti li se jsebbħu l-pajsaġġ ta’ dan iċ-Ċentru.  Dan l-ilma ġieri se jiġi ttrattat u rriġenerat fiċ-ċentru nnifsu.

Dan iċ-ċentru hu maħsub li jitlesta sa April 2016 u se jkun qed jiswa madwar €1.5miljun ewro. 

Borg temm jgħid li dan il-proġett se jkun qed jagħti bidu għal riġenerazzjoni sħiħa taż-żona msemmija hekk kif fiż-żmien li ġej huwa maħsub ukoll li l-widien bħal dawk tal-Fiddien u Wied il-Qlejgħa jkunu wkoll ikkonservati permezz ta’ fondi strutturali sabiex ikomplu  jikkumplimentaw dan l-investiment.

More in Politika