
Aktar minn terz ta' miljun ewro għat-tħaddir tal-komunitajiet
Wasal iż-żmien li minn proġett pilota għandna naħsbu f’proġett nazzjonali mifrux fuq medda ta’ żmien - Il-Ministru Leo Brincat u s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo

“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-Gvern li minkejja li meta għadu lanqas għadda l-ewwel kwart tas-sena, grazzi għas-serjetà u l-impenn li wrew il-ħames Kunsilli Lokali li se jibbenefikaw mill-iskema pilota għat-Tħaddir tal-Komunitajiet, kollha kemm huma ressqu l-pjanijiet u l-proġetti tagħhom fil-ħin għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet tal-Ministeru tagħna.” Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed jindirizza attività fejn fiha sar l-iffirmar ta’ ħames Memoranda of Understanding bejn il-Ministeru tal-Ambjent u s-Sindki tal-ħames lokalitajiet magħżula. Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo.
Il-Ministru Brincat qal li meta jżidu l-allokazzjoni għal din is-sena ma’ dik fil-Budget tas-sena li għaddiet, se jkunu allokaw b’kollox aktar minn terz ta’ miljun Ewro għat-tħaddir tal-komunitajiet f’disa’ lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Minħabba li hemm lokalitajiet li se jibbenefikaw minn dan il-proġett pilota li għandhom l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali din is-sena, ħassew li jkun f’waqtu u xieraq li indipendentament mill-eżitu tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli fil-11 ta’ April, juru l-apprezzament u l-għarfien tagħhom lis-Sindki u Kunsilliera li qegħdin iservu bħalissa f’dawn il-lokalitajiet. Dan għaliex kienu huma li ħejjew il-pjanijiet u s-sottomissjonijiet li tressqu u kisbu l-approvazzjoni tal-Ministeru.
Il-Ministru qal li jinsab konvint li appena jiġu ffirmati l-Memoranda of Understanding rispettivi, x-xogħol ikun jista’ jinbeda f’dawn il-lokalitajiet fil-ġejjieni qarib.
Fil-proġetti tal-lokalitajiet ikkonċernati jispikkaw għadd ta’ karatteristiċi interessanti fosthom f’Birkirkara l-enfasi qiegħda fuq għadd ta’ siġar Eugenia Etna Fire f’mill-anqas ħmistax-il triq differenti, flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ siġar oħra li se ikunu fi triqat prinċipali kif ukoll fi sqaqien.
Fil-każ tal-Mosta jidher li hemm enfasi qawwija fuq troughs u qsari f’sitt postijiet ċentrali ħafna fosthom Vjal l-Indipendenza u Pjazza Rotunda. Dawn b’kollox ilaħħqu madwar 78 troughs u qsari.
F’Raħal Ġdid hemm enfasi qawwija fuq qsari li b’kollox ilaħħqu madwar tmenin f’disa’ postijiet fil-lokal, uħud minnhom ċentrali ħafna bħas-Suq ta’ Raħal Ġdid u parti minn Paola Hill li tagħti għall-Pjazza Paola u Triq Bormla.
F’Ta’ Xbiex ġew identifikati 6 siti differenti b’enfasi qawwija fuq il-Housing Estate tal-lokal, kif ukoll fi Triq Abata Rigord u x-xatt li jagħti għall-Ġnien tal-Gżira fejn b’kollox se jkun hemm 651 siġra u qasrija.
Filwaqt li f’Għawdex, il-Kunsill tax-Xagħra identifika ħdax-il sit fosthom il-Pjazza tal- Vittorja, Vjal tat-8 ta’ Settembru kif ukoll il-Qaċċa Belvedere fejn b’kollox se jinżergħu xejn anqas minn 475 siġra u tmintax-il planter.
Il-Ministru Brincat temm jgħid li l-Ministeru se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu biex jekk ikun possibbli s-sena d-dieħla tkompli tikber il-firxa ta’ lokalitajiet benefiċjari, kif ukoll l-allokazzjoni finanzjarja għal dawn il-proġetti fejjieda li jwasslu għall-ambjent aħjar fil-bliet u rħula Maltin u Għawdxin. Dan ħalli l-proġett minn wieħed pilota jsir wieħed nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li l-ħidma ta’ dan il-Gvern fuq livell lokali hu wieħed li jsaħħaħ il-kunsilli lokali. Fil-qasam ambjentali, il-Gvern ċentrali qed juri leadership qawwi fejn jidħol l-ambjent.
Huwa qal li proġett pilota bħal dan mhux biss qed juri l-leadership li qed jieħu dan il-Gvern fejn jidħol l-ambjent imma qed jimbarka politika ġdida ta’ Green Communities li minnha jgawdu l-komunitajiet fil-lokalitajiet u naturalment titkabbar il-kuxjenza tal-istess komunità favur l-ambjent.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li dan il-Gvern qed jaħdem biex jara li l-kunsilli lokali jkunu f’pożizzjoni li jindirrizzaw il-bżonnijiet ambjentali tal-lokalità tagħhom. Dan qed jagħmluh sabiex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar għall-komunitajiet tagħna, għall-familji tagħna, għat-tfal tagħna u għall-anzjani tagħna. Dan kollu qed isir biex il-komunitajiet tagħna jkunu jistgħu jgawdu mit-tisbieħ ta’ żoni fil-lokalitajiet tagħhom.
Huwa qal li tajjeb li jfakkar li l-kunsilli lokali mill-għadd finanzjarju llum qed jutillizzaw tal-inqas terz mill-allokazzjoni tagħhom fuq tindif u ġbir tal-iskart. Per eżempju s-sena l-oħra fis-sena 2014, mill-att finanzjarju l-kunsilli lokali utillizzaw mill-allokazjoni tagħhom għall-ġbir ta’ skart (waste management), qtugħ ta’ ħaxix (rural cleaning), ELC (environment landscaping), tindif, residential sweeping cioè knis - kważi 10.5 miljun ewro.
Barra minn hekk, kompla jispjega s-Segretarju Parlamentari, sabiex jittaffa mill-piż fuq il-kunsilli lokali, mis-sena l-oħra, ittieħdet deċiżjoni li l-Kunsilli Lokali f’żoni turistiċi jiġu megħjuna fil-public cleansing. Eżempju ieħor ta’ din l-għajnuna huwa dan il-proġett pilota, fejn dan il-Gvern qed jgħin il-kunsilli billi jkopri l-ispejjeż meħtieġa għat-‘Tħaddir tal-Komunitajiet’.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo temm jgħid li jemmen fil-potenzjal u fl-irwol li Kunsilli għandhom fil-qasam ambjentali, għax jgħarfu l-prijoritajiet fil-lokalitajiet tagħhom.

