[AĠĠORNATA] Konrad Mizzi għandu jerfa' r-responsabbilità - Marthese Portelli

Il-Ministeru għall-Enerġija jgħid li t-telf ġie kawża ta' tibdil kbir fil-prezz ta' żejt

Ix-Shadow Minister għall-enerġija, Marthese Portelli qalet li l-ministru Konrad Mizzi għandu jerfa' r-responsabbiltà għall-€14 miljun telf li sofriet l-Enemalta minħabba l-qbil tal-hedging li sar mal-kumpanija tal-istat tal-Ażerbaiġan, SOCAR.

"Ladarba Mizzi interferixxa u qal lill-Enemalta biex tixtri mingħand SOCAR, għandu jerfa' r-responsabbiltà tal-konsegwenzi," kompliet tgħid Portelli lill-ġurnalisti.

"Għidna li l-Gvern għamel żball fl-akkwist taż-żejt. Issa għandna l-provi li Konrad Mizzi għandu jerfa' r-responsabbiltà."

Ix-shadow minister għall-ekonomija Claudio Grech insista li l-idea li jsir hedging mal-kumpanija SOCAR kellha l-għan li ma jkunx hemm żieda fil-prezzijiet tal-fuel, mhix vera."Mizzi nnegozja ħażin u qed jistenna li n-nies jirringrazzjawh," kompla jgħid Grech.

"L-advisory committee tal-Enemalta kien qed jagħmel xogħlu sew, u l-affarijiet marru ħażin meta Mizzi intervjena biex jixtri ż-żejt mill-Ażerbaiġan," qal Grech.

Portelli qalet li waqt li l-ministru Mizzi kien qed jinnegozja ma' SOCAR, il-popli kien qed iħallas l-għola prezzijiet tal-fuel fl-Ewropa.

"Anke issa, meta t-taxxi lokali ma jiġux ikkunsidrati, is-sewwieqa Maltin qed iħallsu fost l-għola prezzijiet tal-fuel fl-Ewropa."

Intant, il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa fi stqarrija qal li t-track record tal-Gvern fil-qasam tal-prezzijiet tal-fuel huwa rifless fit-traħħis tal-prezz tal-petrol għat-tmien darba u tad-diesel għas-sitt darba, kif ukoll fl-istabbiltà tal-prezzijiet.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-Oppożizzjoni m'għamlet l-ebda referenza għall-qligħ sinnifikanti li għamlet l-Enemalta fl-2014 bis-saħħa tal-hedging preżenti li laħaq it-€8 miljun. Flimkien ma' dan il-qligħ, Enemalta rreġistrat profitti tal-hedging €5 miljun fl-ewwel tlett kwarti tal-2014. Kif intqal mill-Awditur Ġenerali, it-telf li sar minħabba l-hedging ġew irreġistratii fl-aħħar kwart tas-sena minħabba tibdil kbir fil-prezz taż-żejt "li ma setgħux jiġu antiċipati meta daħal fis-seħħ dan il-qbil."

More in Politika