
In-nies sorpriżi b'li wettaqna - JM
Joseph Muscat fuq sentejn ta' Partit Laburista fil-Gvern

More in Politika
Joseph Muscat fuq sentejn ta' Partit Laburista fil-Gvern
Is-suċċessi li kiseb il-Gvern f’dawn is-sentejn wassal għall-istagħġib ta' bosta nies – nies li qatt ma stennew li dan kollu jista’ jkun possibbli. Dan qalu dalgħodu il-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza stampa f’għeluq is-sentejn mill-elezzjoni ġenerali. Huwa qal li s-sitwazzjoni daret minn waħda ta’ staġnar għall-waħda ta’ ottimiżmu għall-futur.
Muscat saħaq fuq il-wegħda mwettqa tal-gvern li jnaqqas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma b’25% għall-użu domestiku. Huwa semma’ wkoll kif it-tkomplija ta’ din il-wegħda ħa tiġi mwettqa aktar tard dan ix-xahar, fejn il-prezzijiet tad-dawl u tal-ilma ħa jitnaqqsu b’rata simili għan-negozji wkoll.
Joseph Muscat fakkar ukoll li l-gvern wettaq ukoll il-wegħda li jagħlaq il-power station tal-Marsa u jinstab fil-proċess biex jibni l-power station tal-gass, filwaqt li jbiddel l-impjant tal-BWSC sabiex tibda’ taħdem bil-gass ukoll. Barra minn hekk, x-xogħol fuq l-interkonnettura reġa’ qabad ir-ritmu, wara li kien waqa’ lura taħt tmexxija precedent.
Il-Prim Ministru rrefera għat-tkabbir fl-ekonomija, fejn qal li t-traħħis fil-kontijiet u s-servizz tal-ħarsien tat-tfal b’xejn kienu fost il-fatturi li wasslu għall-prosperità ekonomika, u sabiex ikollna l-inqas r-rati ta’ qgħad baxxi li qatt kellna.
Muscat semma’ wkoll il-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, fejn permezz tagħha saħaq li Malta qed tara l-benefiċċji ta’ din l-iskema, tant li hemm pajjiżi li issa qegħdin jimitaw lil Malta.
Il-progress fis-settur soċjali, b’mod partikolari l-Unjoni Ċivili, Il-liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru, u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni għall-persuni trans-gender kienu fost l-aktar leġiżlazzjoni progressiva fl-UE, kompla Muscat.
Il-Prim Ministru semma’ s-settur tas-saħħa fejn fih saħaq li dan il-gvern prattikament elimina l-problemi ta’ nuqqas ta’ mediċina. Barra minn hekk naqqas in-numru ta’ nies fil-listi ta’ stennija, kif ukoll qed jaħdem sabiex jiżdiedu n-numru ta’ sodod fil-Mater Dei.
Muscat indirizza l-kritika li qed jirċevi dwar il-livell ta’ governanza billi qal li l-gvern, sforz l-entużjażmu li kellu, jaf aġixxa malajr wisq f’ċertu oqsma. Però, hem mil-kwistjoni ta’ proċedura eċċessivi li l-gvern, sostna Joseph Muscat, hemm bżonn jindirizza malajr.