Il-vandaliżmu mill-kaċċaturi u l-aċċess għall-kampanja

Il-kaċċaturi kienu ipokriti li jiftħu ħalqhom dwar il-vandaliżmu - Mark Sultana

Mark Sultana, il-kelliem ta' SHout, flimkien mal-preżentatur Frank Zammit,u l-għawwiem Edward Caruana Dingli, dalgħodu tkellmu dwar il-vandaliżmu li wettqu xi kaċċaturi u l-aċċess għar-riżerva, fir-riżerva naturali Foresta 2000 fil-Mellieħa, 

Huma kienu qed jitkellmu fir-riżerva naturali Foresta 2000 amministrata minn BirdLife Malta, Din L-Art Ħelwa u PARCS li skont xi uħud kienet “maħtufa minnhom għall-iskop tagħħom” u li “l-aċċess tal-pubbliku hu ristrett matul is-sena kollha”.

Il-kelliem ta’ SHOUT Mark Sultana qal li l-kaċċaturi kienu ipokriti li jiftħu ħalqhom dwar il-vandaliżmu meta kienu kaċċaturi stess  li nstabu ħatja mill-Qrati li qaċċtu 100 siġra mħawwla mill-pubbliku fir-riżerva naturali tal-Mellieħa, kif ukoll ta’ kaċċa illegali fir-riżerva matul ir-Rebbiegħa. 

"Din ir-riżerva naturali nħolqot mill-pubbliku, mill-Gvern u mill-għaqdiet ambjentali bħala rigal lill-poplu Malti għall-millenju l-ġdid. Imma kienet soġġetta għal diversi atti ta’ vandaliżmu istigati mill-kaċċaturi matul is-snin, b’siġar imqaċċtin u maħruqin flimkien. L-għassies tar-riżerva sparawlu, saħansitra għad għandu ċ-ċomb f’rasu u r-razzett tiegħu ngħata n-nar. Inqabdu ukoll kaċċaturi jisparaw illegalment ġor-riżerva” sostna Sultana.

 Mark Sultana wera li r-riżerva naturali mhix magħluqa biex iżżomm in-nies barra. “Il-kaċċaturi kienu qed jiċċirkolaw ritratti tal-grada, jinsistu li din hi prova li r-riżerva hi msakkra għall-pubbliku. Li qatt ma qalulkom hu li dan il-passaġġ ħdejn il-grada huwa iddiżinjat biex jagħti aċċess assolut lill-pubbliku, inkluż aċċess b’wheelchair, sebat ijiem fil-ġimgħa matul is-sena kollha.”

Frank Zammit qal, "Dan il-masġar inħoloq mill-pubbliku għall-pubbliku. Mijiet ta’ tfal tal-iskola, għaqdiet u individwi, anke Ministri tal-Gvern ħallsu u ħawwlu  iktar minn 20,000 siġra hawnhekk u b’hekk ittrasformaw is-sit b’mod li jista’ jitgawda minn kulħadd. Kif tistgħu taraw, din ir-riżerva naturali hi dejjem miftuħa biex tista’ titgawda minn kulħadd.”

Zammit żied jgħid, "Wara kull attakk, il-pubbliku dejjem għamel ħiltu biex din ir-riżerva naturali tingħata appoġġ ħalli tkun salvata. Eluf ta’ persuni mill-pubbliku taw l-għajnuna tagħhom biex tħawlu s-siġar, fi tlett ijiem fl-2007 u dan wara li attakk vandalu kien qered 300 siġra u xitla. Issa huwa ż-żmien li nerġgħu ningħaqdu, u dan billi nivvutaw LE għall-kaċċa fir-rebbiegħa nhar il-11 t’April.”  

L-għawwiem Edward Caruana Dingli qal, "Kważi 80% tal-kampanja tagħna hi okkupata mill-kaċċaturi fir-rebbiegħa. Riżervi naturali bħal din huma żoni importanti fejn ma tistax issir kaċċa, fejn l-għasafar jistgħu jbejtu fir-rebbiegħa, fejn aħna nistgħu nippassiġġaw nistrieħu u nirrilassaw.  Il-vot LE għall-kaċċa fir-rebbiegħa jippermetti li jkun hemm iktar żoni bħal din li jkunu jistgħu jitgawdew."

More in Politika