Wara numru ta’ diskussjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda fuq medda ta’ xhur, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin b’sodisfazzjon iħabbar li ż-żewġ pajjiżi waslu għal ftehim li bih liċenzji tas-sewqan ta’ ċittadini taż-żewġ pajjiżi jkunu rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti rispettivi.
Dan il-ftehim huwa intiż għal sewwieqa li għandhom liċenzja tas-sewqan fil-kategorija B, li tinkludi vetturi ta’ piż massimu li ma jaqbiżx it-3,500 kilo u li ma jġorrux aktar minn tmien passiġġieri minbarra x-xufier. Dawn il-vetturi jistgħu jkunu kkombinati ma’ trailer ta’ piż li ma jaqbiżx is-750 kilo. Barra minn hekk, il-ftehim jistipula li ċittadini rispettivi taż-żewġ pajjiżi huma eżenti mill-obbligu li jgħaddu minn eżami teoretiku u/jew fiżiku meta japplikaw għal-liċenzja tas-sewqan f’Malta jew fl-Emirati Għarab Magħquda għal finijiet ta’ residenza temporanja.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jinnota bi pjaċir li filwaqt li dan il-Memorandum ta’ Ftehim għadu mhux iffirmat, l-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda diġà attivaw dan il-ftehim mill-1 ta’ Jannar 2015.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin laqa’ bi pjaċir dan l-iżvilupp importanti li se jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali u kummerċjali bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda.