Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija kkundanna dak li qal fuq Twitter l-assistent tal-Prim Ministru Glenn Bedingfield. Bedingfield fuq Twitter, għamel retweet ta' dak li qalet il-paġna Islamlie2.
Il-paġna bit-Taljan qalet li "L-unika differenza bejn il-Koran u l-Mein Kampf (il-manifest tan-Nazzisti), hu li dan tal-aħħar huwa aktar moderat."
Il-Partit Nazzjonalista ikkundanna dawn il- 'kummenti diskriminatorji li tefa' fuq Twitter, li fihom wera diskriminazzjoni kontra l-Iżlam.' "Is-sitwazzjoni hi delikata kif inhi fejn ghandu x'jaqsam it-terroriżmu relatat mar-reliġjon. Li jkollok l-assistent tal-Prim Ministru jgħaddi dawn il-kummenti, żgur li ma tgħinx," kompliet tgħid l-istqarrija tal-PN. "Il-Prim Ministru għandu jghid jekk jaqbilx ma dan jew le. U jekk le, il-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni kontra Bedingfield u mhux jinjora s-sitwazzjoni."
Min-naħa tiegħu, Bedingfield fuq Twitter tefa' apoloġija jekk b'dak li qal offenda lil xi nies.