Aġġornat:
B’reazzjoni għall-konferenza stampa tal-MUT, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jixtieq jenfasizza li sar u qed isir ħafna xogħol fuq il-kwistjoni ta’ mġieba ħażina f’din l-iskola li ilha snin tfeġġ minn żmien għal ieħor.
Id-diskors fuq il-każijiet speċifiċi li semmiet il-union irid isir f’rifless ta’ diskussjoni iktar wiesgħa dwar id-dixxiplina fl-iskola. Sar ħafna xogħol kemm mid-Direttorat, kemm mill-Uffiċċju tal-Prinċipal, kif ukoll mill-iskola stess, b’numru ta’ inizjattivi li twettqu abbażi ta’ rapport li sar fuq din is-sitwazzjoni fl-iskola, kemm fuq livell edukattiv kif ukoll dak soċjali, li qed jagħmel id-differenza.
M’hemm l-ebda soluzzjoni faċli, minkejja dan kollu rridu niftakru li l-ġid tat-tfal huwa l-prijorità. Il-fatt li nżommu t-tfal iktar ’il boghod minn xi forma ta’ struttura edukattiva mhix is-soluzzjoni biex dawn l-isfidi jintrebħu .
Aktar kmieni:
L-MUT tordna azzjonijiet industrijali fl-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, wara qed tgħid li din l-iskola hi eżempju ta’ kif falliet is-sistema ta’ kulleġġi. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li l-union tat quddiem l-istess liċeo. Il-President tal-MUT, Kevin Bonello qal li s-sitwazzjoni issa saret waħda intollerabbli wara li allegatament qed isiru bosta inċidenti vjolenti fuq l-għalliema, studenti oħra u membri tal-istaff tal-iskola.
Bonello spjega kif mhux kull kulleġġ falla iżda dan huwa każ partikolari minħabba ż-żoni tal-pajjiż li minnhom jiġu t-tfal ta’ dan il-kulleġġ. L-union għandha diversi proposti kemm għal żmien qasir kif ukoll għat-tul.
Bonello kompla jsostni kif għalkemm l-union tkellmet dwar din il-problema bosta drabi, is-sitwazzjoni baqgħet kif kienet. Għaldaqstant il-union se tibgħat messaġġ billi tordna azzjoni industrijali nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Frar fejn l-għalliema u l-istaff tal-iskola sekondarja se jidħlu għax-xogħol siegħa tard.
Bonello semma wkoll diversi każi ta’ allegata vjolenza minn studenti tal-istess kulleġġ. Semma kif diversi għalliema ġew attakkati fiżikament, tant li waħda minnhom issakkret fi klassi għax beżgħet mill-istudenti waqt li dawn pruvaw jiftħu l-bieb. Kien hemm ukoll diversi theddid fuq xi studenti oħrajn, tant li dawn beżgħu jagħmlu l-eżamijiet tagħhom.
Il-President tal-MUT temm jgħid li numru ta’ studenti ta’ din l-iskola għandhom nuqqas kbir ta’ rispett lejn l-awtorità fejn għalkemm dan mhux l-uniku kulleġġ li fihom hemm problemi ta’ din ix-xorta, f’dan il-każ jidher li “is-sitwazzjoni waslet f’xifer l-irdum.”