“Għaddiet sena oħra u l-gvern għadu ma ħax deċiżjoni dwar il-bejjiegħa fit-toroq.” Dan qalitu l-GRTU fi stqarrija maħruġa dalgħodu li fiha kkritikat lill-gvern talli f’dan iż-żmien ta’ San Valentinu l-bejjiegħa għadhom mifruxin f’diversi toroq madwar Malta jbiegħu prodotti relatati ma’ din il-festa.
Il-GRTU qalet li kull ma jmur dawn il-bejjiegħa qed ikomplu jiżdiedu mingħajr ebda kontroll tant li hemm minnhom li ramaw affarijiet daqs li kieku kienu ħwienet, min bi trakkijiet sa oħrajn b’tined fi pjazez ewlenin u oħrajn saħansitra biswit ħwienet liċenzjati.
“L-Awtoritajiet baqgħu ma ħadu ebda azzjoni f’dan ir-rigward għad-detriment ta’ sidien ta’ ħwienet li jridu jħallsu ferm aktar spejjeż ta’ kuljum sabiex ikunu jistgħu jaqalgħu l-għixien tagħhom” - sostniet il-GRTU.
L-ILLUM tkellem ma’ xi sidien ta’ ħwienet li minn naħa tagħhom taw raġun lill-GRTU filwaqt li sostnew li dawn il-bejjiegħa fit-toroq qed jimminaw ix-xogħol tagħhom f’perjodu fejn matul ċerta festi l-bejgħ għal tal-ħwienet hu bżonjuż biex jikkumpensa għal ġimgħat ta’ wara l-festi tal-Milied, liema perjodu hu meqjus bħala perjodu kwiet b’nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ.