L-għaqda mhux governattiva, Din l-Art Ħelwa esprimiet id-diżappunt tagħha li deċiżjoni importanti u kruċjali bħal dik tar-rilokazzjoni tal-Monti fil-Belt Valletta, spiċċat tintuża bħala ballun politiku miż-żewġ partiti. Dan wara li fit-tmiem il-ġimgħa li għadda, l-Kap tal-Oppożizzjoni ħabbar li huwa kontra d-deċiżjoni tar-rilokazzjoni. Dan seħħ filwaqt li l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, ħareġ stqarrijiet li wrew l-appoġġ għad-deċiżjoni li l-monti jieħu parti fit-triq bejn it-Teatru u l-Parlament.
Minħabba f’hekk, hemm iċ-ċans li l-Gvern ikompli jafferma d-deċiżjoni tiegħu, sempliċiment biex juri li kelmtu hi aktar qawwija mir-reazzjoni tal-poplu, kompliet l-NGO. L-għaqda kompliet tgħid li l-aktar ħaġa ta’ tħassib hi li dawn il-bankarelli li se jintużaw mill-bejjiegħa tal-monti filgħodu, ser ikunu ħaġa permanenti għaliex jibdew jintużaw wara minn bejjiegħa tal-artiġġjanat.
Din l-Art Ħelwa kompliet tgħid li deċiżjoni bħal din hi importanti ferm għaliex tista’ tbiddel id-dehra tal-belt kapitali tagħna u dan ftit qabel ma tieħu t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura. L-għaqda temmet billi qalet li l-għaqda mhix waħedha kontra din ir-rilokazzjoni, imma hemm is-sostenn ta’ diversi għaqdiet u entitajiet bħalma huma l-V18, il-Kunsilli Lokali tal-Furjana u l-Belt Valletta flimkien ma’ diversi periti u esperti prominenti fil-qasam tal-kultura.