Fl-aħħar il-Kummissjoni Ewropea se tieħu l-immigrazzjoni bis-serjetà – Miriam Dalli

Hemm bżonn ta' reviżjoni ta’ politika Ewropea li falliet bil-fatti

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet li huwa ta’ sodisfazzjon il-fatt li fl-aħħar il-Kummissjoni Ewropea qed tagħti sinjal li lesta tibda l-proċess biex tibdel il-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni, wara traġedja oħra li seħħet fl-aħħar jiem ftit 'il bogħod minn Lampedusa u wara li l-politika li ilha taddotta ma ħadmitx bil-fatti.

Dalli qalet li huwa pass tajjeb li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Federica Mogherini ħabbret li se tlaqqa’ lill-grupp ta’ Kummissarji taħt ir-responsabbiltà tagħha biex tibda reviżjoni ta’ politika Ewropea li falliet bil-fatti.

Il-fatt li t-tema tal-immigrazzjoni se terġa’ titqajjem fost il-Ministri tal-affarijiet barranin huwa sinjal pożittiv ukoll.

Miriam Dalli qalet dan b’referenza għall-istqarrija li għamlet il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Federica Mogherini meta kienet qed titkellem dwar l-isfidi tal-immigrazzjoni fi Strasburgu.

Miriam Dalli sostniet li wieħed jittama iżda li dan ma jkunx biss nar tat-tiben u li minflok dan il-pass huwa sinjal li l-Kummissjoni fl-aħħar indunat li s-sistema preżenti ma taħdimx u titfa’ wisq piż fuq ftit pajjizi, fosthom Malta u l-Italja.

More in Politika