Ir-rivista The Parliament Magazine għażlet lill-membru Ewroparlamentari Miriam Dalli bħala waħda mill-aqwa MEPs ġodda fil-Parlament Ewropew.
Il-kategorija 'L-aqwa MEP ġodda' tirrikonoxxi l-kontribuzzjoni siewja ta' dawk l-MEPs li jispikkaw mill-kumplament matul l-ewwel xhur tal-mandat tagħhom.
L-aqwa MEP se jkun imħabbar f'avveniment li jimmarka l-kisbiet tal-MEPs f'setturi differenti. L-avveniment hu organizzat kull sena mir-rivista The Parliament Magazine, pubblikazzjoni tal-UE li tiffoka fuq l-affarijiet tal-Parlament Ewropew u x-xogħol parlamentari li jsir mill-membri tal-Parlament stess.
Miriam Dalli hija membru ta' erba' kumitati fil-Parlament Ewropew u bħalissa qed taħdem fuq ħames dossiers differenti f'isem is-Soċjodemokratiċi.
Dalli għadha kif inħatret bħala relatur fil-kumitat għall-ambjent fid-dossier leġislattiv li jiffoka fuq it-tfassil tal-Fond ta' Investiment Strateġiku fl-Ewropa. Il-fond huwa l-pjan ta' investiment ta' Juncker biex isaħħaħ l-ekonomija Ewropea u x-xogħol.