B'kollox s'issa ġew mitfugħa iktar minn 50 applikazzjoni għad-disinn tal-barkarelli ġodda għall-monti tal-Belt. Fost dawk li ssottomettew xi disinn hemm diversi disinjaturi, periti u kumpaniji.
Il-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi żgħar se jaħtar Design Review Panel biex jagħżel wieħed mid-disinji tal-barkarelli, li se jkunu sottomessa bħala parti mill-proċess tal-Espressjoni ta’ Interess li se joħroġ għal dan il-għan u li se jagħlaq nhar il-Ġimgħa 6 ta' Frar.
Kif diġà ġie mħabbar, il-Gvern ħa nota tal-kummenti espressi mill-pubbliku fuq il-barkarelli li kienu se jintużaw mill-bejjiegħa tal-monti tal-Belt Valletta, la darba jkunu rilokati fi Triq l-Ordinanza.
Kienu mistiedna fost oħrajn il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali li fil-portafoll tiegħu hemm diversi entitajiet kulturali, kif ukoll il-bejjiegħa tal-monti biex jinnominaw rappreżentant fuq id-Design Review Panel li se jkun presedut mill-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Chris Mintoff.
Il-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar ħabbar li kien se joħroġ Espressjoni ta’ Interess nhar it-Tnejn li għadda u stieden lil dawk kollha li huma interessati biex jissottomettu l-interess tagħhom.
Il-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, jisħaq li d-disinji tal-barkarelli għandhom estetikament jikkumplimentaw il-madwar waqt li jkunu prattiċi għall-konsumaturi u l-istess bejjiegħa biex jiġġestixxu l-attività kummerċjali tagħhom.
Ir-rilokazzjoni tal-monti tal-Belt għal Triq l-Ordinanza se sseħħ kif imħabbar fl-ewwel budget ta’ dan il-Gvern. Din ir-rilokazzjoni għandha tkun ta’ benefiċċju kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, waqt li tagħti aktar ħajja lin-negozju.
Il-Gvern jisħaq li din mhix se tkun sempliċi rilokazzjoni tal-monti imma wkoll ri-organizzazzjoni tal-monti, b’barkarelli uniformi, indafa u sensiela ta’ standards li l-bejjiegħa se jkollhom josservaw.