Jinxtraw 34,000 iPhone fis-siegħa

L-Apple tagħmel rekord ta' profitt fl-ewwel tliet xhur tas-sena fiskali tagħha

L-iPhones jammontaw għal żewġ terzi tal-qliegħ ta' Apple
L-iPhones jammontaw għal żewġ terzi tal-qliegħ ta' Apple

"Jinxtraw 34,000 iPhone fis-siegħa, 24 siegħa kuljum," kienu l-kliem ta' Tim Cook, is-CEO ta' Apple.

Il-kumpanija Apple għadha kif għamlet profitt ta' $18-il biljun, 37% iktar mill-istess perjodu tas-sena, is-sena l-oħra, u l-ikbar profitt qatt irreġistrat fi tliet xhur minn kumpanija pubblika. Id-dħul għola bi 30% għal $75 biljun.

Ir-raġuni ewlenija għal dan kien il-bejgħ tal-iPhone l-ġdid, li l-qliegħ minnu jammonta għal żewġ terzi tad-dħul ta' Apple. Dan il-qliegħ ġie mill-bejgħ tal-mudelli l-ġodda tal-iPhone 6 u 6 Plus, li għandhom screens ikbar mill-iPhones ta' qabilhom. Dawn il-mudelli daħlu lil Apple fis-suq tal-phablet.

Għalkemm din is-somma hija daqstant kbira, jidher li s'issa l-Apple għadha ma qabżitx lis-Samsung, li tiddomina d-dinja tal-ismartphones meta tħares lejn in-numru ta' mobiles li jinbiegħu.

F'Novembru li għadda Apple biegħet il-biljun oġġett mill-iOS.

Iż-żieda fid-domanda għall-prodotti ta' Apple ġiet minn pajjiżi barra mill-Amerka, iċ-Ċina b'mod ewlieni u anke l-Brażil.

Jidher iżda li l-bejgħ fuq l-iPad naqas, u qed jonqos sena wara sena. Cook qal li qed jaraw x'se jagħmlu biex iżidu l-bejgħ tiegħu. Cook ħabbar ukoll li l-arloġġ smart, se joħroġ għall-bejgħ f'April.

More in Politika