Analiżi tar-rebħa ta' Syriza fil-Greċja

Il-Partit Syriza rebaħ b'qawwa ħafna iktar milli kulħadd stenna

L-ILLUM għamlet kuntatt ma' Karl Littlejohn, li għadu kif għamel sentejn jgħix fil-Greċja u jistudja f'Università Griega.

Dwar ir-riżultat tal-elezzjoni Littlejohn qal "Nemmen li iva kien hemm bżonn theżżiża fil-politika Griega. Qabel kont inżur il-Greċja fuq vaganza u kont inħoss li l-poplu kien kuntent u ma kienet tinħass l-ebda kriżi ekonomika. Meta mbagħad ġejt ngħix hawn u bdejt naqra l-mezzi tax-xandir Griegi u nitkellem mal-poplu Grieg kienet tinħass li hemm kriżi. Bdejt nirrealizza anke bl-abbużi li kien hawn."

Littlejohn ma xtaqx jidħol fil-mertu jekk kellux ikun il-partit Syriza li jwassal għal dan it-tibdil politiku iżda ħass li kien meħtieġ.

"Wieħed ukoll irid joqgħod attent minn Syriza. Għalkemm tidher u qed tiġi mpenġija donna xi salvatriċi tal-pajjiż u forsi anke tal-Ewropa wieħed jista' jilmaħ xquq fil-politika ta' Syriza, b'mod speċjali fil-kwistjonijiet li għandha l-Greċja mat-Turkija. Il-Greċja jaf anke taffetwa x-xena Ewropea. Martin Schulz diġà kkuntattja lil Tsipras rigward xnigħat li dan tal-aħħar se jaħdem ma' Putin biex joħrog lill-Greċja mill-kriżi li kienet qiegħda fiha" temm jgħid Littlejohn.

Il-konsulent finanzjarju Alfred Mifsud qed jgħid li hu kmieni wisq li tara xi żviluppi se jkun hemm fil-pajjiż Grieg. "Il-partit li tela', tela' b'mandat qawwi. Wiegħed affarijiet li jmorru kontra l-istituzzjonijiet Ewropej. Ma tistax tippreġudika minn issa iżda wieħed għadu jrid jara"

F'kumment għal dak li qal Weber, iċ-ċermen tal-EPP, Mifsud ikkummenta li "d-dejn li għandha l-Greċja huwa kbir wisq biex tkun tista' tkampa bir-ritmu li kienet miexja bih. Issa wieħed irid jara jekk il-pajjiż hux se jirċievi l-appoġġ li għandu bżonn mill-istati membri biex naraw jekk ikampax fl-aħħar mill-aħħar. Dan l-appoġġ jiddependi mill-arranġamenti li l-Greċja jaf tagħmel ma' pajjiżi oħra."

L-ekonomista Gordon Cordina, f'kuntatt mal-gazzetta qal li jekk il-Greċja toħroġ miż-żona ewro, l-ekonomija Griega jkollha titlaq mill-Unjoni Ewropea, li jkun xokk ikbar għall-ekonomija. "Jien nemmen li hemm iktar modi x'jista' jsir, li jinkludu r-ristrutturar tad-djun, li jtawlu l-perjodi tal-ħlas, u l-bżonn ta' programm sostanzjali ta' investiment minn ekonomiji li sellfu fi proġetti produttivi fil-Greċja, sabiex tgħin l-irkupru tal-ekonomija minn fejn id-dejn jista' jerġa' jitħallas... bħal Marshall Plan biex isalva lill-Greċja."

More in Politika