Fi stqarrija li ntbagħtet lill-istampa, il-GWU qiegħda tgħid li qed tisfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jirrepeti l-akkużi malafamanti li għamel ilbieraħ fil-Parlament fil-konfront tal-GWU bħala l-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-Enemalta.
Dan għamlu waqt li kien qed jitkellem fuq l-Enemalta. L-istqarrija tgħid li fost oħrajn il-kap Nazzjonalista staqsa x’qed idaħħal fil-but il-GWU mill-Enemalta. “Nixtiequ ngħidu lil Simon Bususttil li l-ħidma tal-GWU favur il-ħaddiema tal-Enemalta żgur li mhix paraventu” tgħid l-istqarrija.
“Simon Busuttil stqarr li l-GWU mhux tiftaħ ħalqha. Busuttil għandu jkun jaf li l-ħaddiema tal-Enemalta jafu x’qiegħda tagħmel il-GWU permezz tax-xogħol tat-Taqsima Kimika u Enerġija. Simon Busuttil nesa l-mod arroganti li bih il-Ministri Nazzjonalisti trattaw mal-GWU u l-ħaddiema tat-Tarzna, Sea Malta, Malta Shipbuilding u Air Malta fost postijiet tax-xogħol oħra.”
“Għandu jkun jaf li d-differenza hija li llum għandna Gvern li tista’ tiddiskuti miegħu biex jinstabu soluzzjonijiet, u mhux bħalma kien Gvern Nazzjonalista li kien jhedded li jagħlqu l-postijiet tax-xogħol u jkeċċu l-ħaddiema.”
Il-GWU tiddikjara fl-istqarrija li se tibqa’ taħdem fl-aħjar interess tal-ħaddiema u l-ebda theddida ta’ Simon Busuttil mhux se twaqqafha li tkompli bil-ħidma tagħha.
“Simon Busuttil imissu qal x’kien se jkun il-futur tal-impjieg għall-ħaddiema tal-Enemalta kieku baqa’ gvern Nazzjonalista. Jekk kien hawn min qal “issa daqshekk” kien il-poplu li neħħa min-nofs lil gvern Nazzjonalista arroganti li Simon Busuttil kien qrib ħafna tiegħu” ittemm tgħid l-istqarrija.