Ix-xogħlijiet f'Kennedy Drive biex tinbidel is-sistema tad-drenaġġ bħala parti mill-proġett ta' Triq il-Kosta, u li minħabba fihom it-triq kienet se tingħalaq kompletament għat-traffiku għal tul ta' ġimgħa tlestew qabel mistenni.
Ix-xogħol kien jinvolvi t-tħaffir ta’ trinka biex jgħaddu mejnijiet kbar tad-drenaġġ f’fond ta’ kważi żewġ metri ‘l isfel mill-wiċċ tat-triq. Biex il-mejnijiet ikunu jistgħu jingħaqdu mal-bqija tas-sistema, u allura jaqsmu ż-żewġ karreġġjati, kien hemm il-ħtieġa li t-triq tingħalaq kompletament.
Il-ħaddiema tal-kuntratturi mqabbdin minn Transport Malta baqgħu għaddejjin bix-xogħol matul il-lejl biex ilestu kemm jista’ jkun malajr ħalli jitnaqqas l-inkonvenjent lill-pubbliku.
Issa li x-xogħol jinsab lest, it-triq tinsab miftuħa mill-ġdid għat-traffiku.
Intant, l-aħħar partijiet mill-karreġġjati li kienu qed jiġu iffurmati matul dawn l-aħħar xhur, tlestew sal-ewwel saff ta’ asfalt u bdew jintużaw biex jgħaddi t-traffiku minnhom.
Fin-naħa ta’ ħdejn is-Salini, li hija l-aktar parti dejqa tal-proġett kollu, it-twessiegħ tat-triq qed isir bi proċess aktar kawt minħabba sejba ta’ diversi fdalijiet arkeoloġiċi li qed jiġu ssorveljati regolarment mis-Sovrintendenza Patrimonju Kulturali.
Għaldaqstant, għat-tliet xhur li ġejjin, it-traffiku li ġej minn Pembroke għal San Pawl il-Baħar xorta jrid jibqa’ jgħaddi min-naħa tal-Magħtab u jgħaddi mit-Telgħa t’Alla u Ommu.