Mitluba tgħid x’kienet tagħmel id-deputat Laburista li bħalissa tinsab fi gwerra bierda mal-partit Laburista, Marlene Farrugia, li kellha tkun fiż-żarbun tal-Ministru Mallia stqarret, “Kont nirriżenja, nistenna li mill-inkjesta noħroġ nadif, imbagħad il-Prim Ministru jerġa’ jappuntani. Din kienet tkun l-aktar deċiżjoni loġika li kellha tittieħed. Għax b’hekk il-ministru Mallia kien isalva ismu u l-gvern kien jirbaħ il-kredibilità u la l-gvern u lanqas il-ministru ma kienu jitħammġu. Jien nemmen li l-Ministru hu innoċenti sa ma jiġi ppruvat il-kontra.”
Dwar kif se tivvota Marlene Farrugia fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja tal-partit Nazzjonalista qalet, “Nistennew ir-rapport tal-inkjesta maġisterjali uffiċjali. L-eżitu tal-inkjesta tiddettali l-kuxjenza kif għandi nivvota. Inħossni ma nistax niġġudika fuq informazzjoni li qed tinbidel minn ħin għal ħin.”
Marlene Farrugia qalet ukoll li hi ma qablitx mal-Prim Ministru li qed jitlob lill-Bord tal-inkjesta indipendenti biex jgħaġġlu fil-verdett tagħhom, “ma naqbilx għax każi bħal dawn ma jistgħux jiġu solvuti b’mod immedjat, seta’ biss talabhom li jlestuha mill-aktar fis possibbli iżda mhux immedjatament. Dan hu sinjal ieħor ta’ immaturità fil-Prim Ministru.”
Il-każ tax-xufier tal-ministru Manwel Mallia qajjem terremot sħiħ fil-parlament u anke fil-gvern innifsu. Il-Partit Nazzjonalista ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru u qal ukoll li jistenna dawk id-deputati Laburisti li urew stmerrija dwar l-aġir tal-Ministru Mallia fil-privat, issa għandhom juru dak li jemmnu fil-vot ta’ sfiduċja.