Diversi investituri jinsabu urtati li wara l-investimenti li għamlu huma f’bonds diversi permezz ta’ Crystal Finance Investments fallew u riżultat ta’ dan, dawn spiċċaw tilfu flushom. Uħud minn dawn l-investituri għamlu kuntatt mal-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) sabiex issir investigazzjoni min-naħa tagħhom dwar dan il-każ. L-investituri li għamlu l-investiment mal-kumpanija Maltija, apparentement, investew f’bonds ta’ kumpaniji internazzjonali li fl-aħħar jiem fallew jew jinsabu f’xifer il-falliment u b’hekk, ħallew lil min investa magħhom jitlef flusu.
Jidher li l-bonds affettwati f’dawn l-investimenti kienu tlieta li jinkludu l-bonds tal-kumpaniji ‘Rena’ u ‘Mox Telecom’ li bħala bonds kienu unsecured. Sorsi qalu li l-investituri li ġew affetwati f’dawn l-investimenti qed jiġu kkuntattjati sabiex ikunu infurmati dwar l-andament tal-investiment tagħhom mal-kumpanija u jekk dawn kinux parti minn dak il-grupp ta’ nies li sofrew telf minn dawn il-miljuni.
Qed jiġi stmat li t-telf li ġarrbu l-investituri Maltin b’dawn il-bonds jammonta għal miljuni ta’ ewro. Is-sorsi temmew jgħidu li dawk l-investituri li ma ġewx ikkuntattjati min-naħa tal-kumpanija, m’għandhomx ikunu affetwati.