L-Eżekuttiv tan-Nisa Laburisti dalgħodu ltaqgħu ma’ l-iSpeaker Anġlu Farrugia fuq żjara ta’ kortesija fejn il-President Claudette Abela Baldacchino spjegat il-proċess ta' tiġdid li bħalissa hemm għaddej fil-mod li bih taħdem NL (Nisa Laburisti) kif ukoll il-bidla fil-ħsieb
Abela Baldacchino qalet li NL qed timxi pass ieħor fil-proċess tagħha u minn għaqda tan-nisa u għan-nisa qed issir organizzazzjoni li tmexxi l-quddiem ħsibijiet dwar kif is-soċjetà għandha ssir aktar inklussiva fejn kull persuna, mara jew raġel, tista' tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha.
Il-President spjegat li NL temmen li n-nisa daqskemm l-irġiel għandhom rwol importanti fit-tfassil ta' Malta moderna. “Għalkemm sodisfatta, NL temmen li għad baqa' iżjed xi jsir. Ir-rappreżentanza femminili fil-Parlament Malti għadha baxxa wisq. Dan ta' bilfors ikollu l-effett li fid-dibattiti Parlamentari qed tiġi nieqsa l-fehma u l-vuċi femminili b'riskju li l-liġijiet imfassla jistgħu ma jkunux mirquma biżżejjed sabiex tassew jirriflettu l-fehma tas-soċjetà kollha.”
Abela Badacchino temmet tgħid li NL temmen li pajjiż modern, membru tal-Unjoni Ewropea, jistħoqqlu Parlament full-time li jiltaqa' matul il-ġurnata. “Id-deputati għandhom ikollhom faċilitajiet bħal m’huma min jieħu ħsieb it-tfal tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom mingħajr xkiel” temmet tgħid Abela Baldacchino.