Miriam Dalli dwar l-immigranti fil-Parlament Ewropew

Miriam Dalli f'appell fil-PE għal distribuzzjoni xierqa tar-responabbiltajiet fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari

L-MEP Maltija Miriam Dalli appellat lill-aġenzija Ewropea għall-Ażil biex tistruttura programmi li permezz tagħhom ikun hemm proċessar konġunt ta’ applikazzjonijiet tal-ażil bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Dan, bil-għan aħħari li jkun hemm distribuzzjoni xierqa tar-responsabbiltajiet fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari.

Hija għafset ukoll fuq il-bżonn li tkun miġġielda l-kriminalità organizzata ta’ kriminali li jitraffikaw lin-nies u mhux insemmuha biss wara li sseħħ xi traġedja. 

Miriam Dalli għamlet dan l-appell fil-Parlament Ewropew hekk kif kienet għaddejja diskussjoni dwar il-ħidma u l-iżvilupp tal-European Asylum Support Office, (EASO).

Dan l-uffiċċju li hu bbażat Malta, huwa responsabbli fost l-oħrajn, biex jassisti l-pajjiżi li jkollhom pressjoni sproporzjonata fuq is-sistema tal-ażil tagħhom. 

Fil-kummenti tagħha fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli indirizzat lill-Kap tal-EASO Robert Visser. Filwaqt li rringrazzjat lill-EASO tal-proġett pilota li qed tagħmel fuq l-ipproċessar konġunt hija ħeġġet lill-aġenzija biex issa tinvolvi ruħha fit-tfassil ta’ programmi konkreti f’dan ir-rigward. Proġetti bħal dawn ikunu jistgħu jgħinu lil pajjiżi bħal Malta fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet tal-immigranti. 

Dalli rreferiet ukoll għall-ittra li Jean Claude Juncker, President Designate tal-Kummissjoni, bagħat lill-Kummissarju designate għall-immigrazzjoni u l-intern li titkellem dwar l-bżonn ta’ ħidma akbar u iktar prattika mill-EASO. Dalli qalet li biex dan isir l-EASO jeħtieġ aktar riżorsi umani u finanzjarji.

More in Politika