Malta u Maltin sovrani
minn Simon Busuttil
Simon busuttil Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista
More in Politika
minn Simon Busuttil
It-terminu Indipendenza, minnu nnifsu jimplika l-fatt li wieħed huwa awtonomu, li wieħed ikun is-sid tad-destin tiegħu bid-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħu stess mingħajr ma dawn jiġu imposti fuqu minn ħaddieħor. L-Indipendenza hija dik li tagħmel poplu liberu u għalhekk trid tfisser ukoll is-sovranità ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għalhekk nemmen li l-Indipendenza kienet kisba fundamentali biex illum qed ingawdu pajjiż li mexxejnieh aħna f’dawn l-aħħar 50 sena. Kienet kisba fundamentali wkoll għax f’dawn il-50 sena aħna l-Maltin tajna lilna nfusna mezzi biex kull wieħed u waħda minna jkun sovran u jiddependi fuq il-ħiliet tiegħu stess biex jirnexxi.
Ir-rigal tal-Indipendenza lill-poplu Malti mill-Gvern li kiseb l-Indipendenza kien l-Università l-ġdida f’Tal-Qroqq li l-ewwel ġebla tagħha tpoġġiet fit-22 ta’ Settembru 1964. Il-bini ta’ Università ġdida ma kienx kumbinazzjoni għax l-Università, bit-tkabbir li sar fiha wara kemm fid-daqs kif ukoll fin-numru ta’ studenti, tfisser ukoll indipendenza u sovranità għal min jgħaddi minnha. Tfisser ukoll indipendenza tal-ħsieb.
Malta f’dawn il-50 sena fasslet strateġija għall-iżvilupp tagħha stess u ma baqgħetx biss punt strateġiku, użat minn pajjiżi oħra. Għalhekk l-Indipendenza kienet punt kruċjali fl-iżvilupp ta’ pajjiżna biex bix-xogħol li nħoloq għall-Maltin f’industriji mhux militari nagħtu indipendenza tal-mezzi u sovranità lill-ħaddiema Maltin.
Is-sovranità u l-indipendenza tagħna rridu ninterpretawhom għal kull żmien. Kien għalhekk li f’diversi stadji tal-indipendenza tagħna rajna trasformazzjoni ekonomika li biddlet mill-qiegħ l-ekonomija tagħna minn waħda li kienet tiddependi fuq is-servizzi Ingliżi u t-tarzna navali għal waħda li toħloq ix-xogħol fl-industriji ġodda li attirajna lejn Malta, fosthom l-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-elettronika, il-farmaċewtika u l-informatika.
Illum, permezz tal-kisba ewlenija ta’ 50 sena ilu, tħossok kburi li meta ssiefer fuq il-passaport ikollok isem u l-arma ta’ pajjiżek. Tħossok onorat tgħid li inti Malti u Ewropew bid-drittijiet kollha li dan jagħtik. Tħossok kburi li f’fora kbar, flimkien ma’ dik ta’ pajjiżi oħra tara l-bandiera Maltija. U bħalma stajna nkunu aħna stess li nfasslu u nippjanaw il-ġejjieni ta’ pajjiżna, hekk irridu nkunu liberi u sovrani biex kull wieħed u waħda minna jkollu tassew rajh f’idejh u jiddependi fuq il-ħiliet li jiżviluppa u jikseb.
Hu għalhekk li rridu naraw il-parteċipazzjoni u d-demokrazija jiżviluppaw f’pajjiżna biex kulħadd ikollu sehem akbar fid-deċiżjonijiet li jieħu hu stess bil-vot tiegħu mhux biss fl-elezzjonijiet ġenerali imma wkoll fil-kunsilli lokali, fil-Parlament Ewropew u bir-referenda.
Hu għalhekk li rridu naraw għajnuna aktar qawwija u effettiva lil dawk vulnerabbli u fir-riskju li jaqgħu ‘l barra mix-xfar tas-soċjetà tagħna. Ir-riskju tal-faqar hu ħażin fih innifsu u jnaqqas mill-indipendenza u l-libertà ta’ dak li jkun li jieħu deċiżjonijiet għalih innifsu.
Hu għalhekk li rridu naraw xogħol sofistikat u speċjalizzat li jinħoloq f’industriji ġodda u taħriġ għal dan ix-xogħol biex kemm jista’ jkun nies igawdu minn pagi tajbin li jixirqu lill-ħaddiema Maltin. Biex iseħħ dan, irridu nagħtu sehemna biex Malta tkompli tiġbed industriji ġodda u innovattivi u tkompli tagħti t-taħriġ tajjeb liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema.
Hemm ħafna li rridu nkomplu niksbu għal pajjiżna. Imma llum ingawdu dan il-jum li jrid ikompli jfisser sovranità u indipendenza għal pajjiżna u sovranità u indipendenza għal kull wieħed u waħda minna.