
Muscat iwaqqaf il-kaċċa ħesrem
Deċiżjoni li hija frott l-iżbalji

Il-kaċċa se tibqa’ wieqfa sal-10 ta’ Ottubru
More in Politika
Deċiżjoni li hija frott l-iżbalji
Inċidenti gravi min-numru ta’ kaċċaturi wassal il-Prim Ministru biex jinjora l-Ornis Committee u jwaqqaf ħesrem il-kaċċa sa l-10 ta’ Ottubru. Id-deċiżjoni tiegħu tista’ tfixkel il-ġbir ta’ informazzjoni dwar x’jiġi kkaċċjat fil-ħarifa u kif ukoll studju ta’ €116,000 lil kumpanija privata li qed tiġbor dettalji dwar il-passa tal-gamiem u s-summien. Iżda minn naħa l-oħra tista’ ssalva l-ħajjiet ta’ mijiet ta’ għasafar protetti fosthom it-tajr tal-priża.
Id-deċiżjoni ta’ Muscat kienet ukoll imnebbħa mill-qtil makabru ta’ ċikonji u d-deċiżjoni tal-Qorti li ma tikkonvertix sentenza fi priġunerija ma’ persuna li ammetta li qatel iċ-ċikonja. Imma d-deċiżjoni ttieħdet ukoll fid-dawl ta’ kampanja biex tiġi abolita l-kaċċa fir-rebbiegħa u l-fatt li Karmenu Vella nħatar Kummissarju tal-Ambjent u l-Affarijiet Marittimi. Vella nhar it-Tnejn se jiġi mitlub jirrispondi numru ta’ mistoqsijiet dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq l-ambjent u fuq kunflitti ta’ interessi.
B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf ħesrem il-kaċċa, l-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li hu jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa b’effett immedjat wara l-każi ta’ illegalità li ddominaw l-aħbarijiet matul din il-ġimgħa.
“Il-kaċċa illegali hija illegali u għaldaqstant l-ebda Gvern m’għandu jittolleraha.
Din kienet il-pożizzjoni ċara tal-Partit Nazzjonalista meta fl-2007 għalaq l-istaġun wara massakru tal-barbaġann. Madankollu, l-istraġi li rajna fl-aħħar jiem ma seħħitx b’kumbinazzjoni. Seħħet għaliex il-Gvern preżenti bagħat messaġġ ċar li kien se jittollera l-illegalità” sostna l-Partit Nazzjonalista.
Il-PN qal ukoll li, fost l-oħrajn, dan il-messaġġ intbagħat kemm meta saru numru kbir ta’ transfers fis-sezzjoni tal-ALE, kif ukoll meta l-Gvern neħħa l-curfew ta’ limitu ta’ ħin tal-kaċċa sat-3pm. “Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet żbaljati taw l-impressjoni lill-kaċċaturi li lesti jiksru l-liġi, li jistgħu jagħmlu li jridu. Għaldaqstant id-deċiżjoni li jingħalaq l-istaġun tal-kaċċa llum setgħet kienet evitata li kieku l-Gvern kien aktar serju mill-bidu nett” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
L-assoċjazzjoni tal-kaċċaturi KSU, Kaċċaturi San Ubertu, qalet li din id-deċiżjoni hi se tispiċċa tħalli deni u tirrifletti ħażin fuq l-isforzi li kien qiegħed jagħmel il-Gvern biex jirregola l-kaċċa. Fi stqarrija li ħarġet l-assoċjazzjoni KSU, intqal li d-deċiżjoni tal-Gvern qed tikkastiga l-minorità minħabba ħsara li għamlu wħud u li qed ipattu qares għaliha dawk li huma responsabbli mill-azzjonijiet tagħhom. Il-Kaċċaturi San Ubertu kkundannaw kull kaċċa illegali.