Għax-xahar ta’ Lulju, l-indiċi tal-fiduċja fl-ekonomija tagħna kiber għal-livell ta’ 112, li jfisser 2.3% aktar mix-xahar ta’ Ġunju u 10% aktar mil-livell reġistrat fl-aħħar xahar tal-amministrazzjoni preċedenti. L-akbar titjib ġie reġistrat fost operaturi fis-settur tas-servizzi, fis-settur tal-imnut, u fost il-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
F’Lulju kien hemm irkuprar sinifikanti fil-kunfidenza fost azjendi industrijali li nnutaw żieda qawwija fil-produzzjoni tagħhom filwaqt li qed jipprevedu tkabbir sostanzjali fl-ordnijiet fix-xhur li ġejjin u li mistenni jwassal għal żieda fl-impjiegi f’dan is-settur.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jindika li l-azjendi fis-settur tas-servizzi huma l-aktar kunfidenti fuq l-andament ekonomiku. Aktar minn kwart minnhom qed ibassru li, minkejja ż-żidiet qawwija li diġà kellhom fl-aħħar xhur, huma se jirnexxilhom iżidu l-bejgħ b’aktar. Anke fost l-operaturi fis-settur tal-imnut, matul Lulju, kien hemm titjib qawwi fl-ottimiżmu dwar il-prospetti ekonomiċi tagħhom.
Fost il-konsumaturi Maltin u Għawdxin qed jirrenja sentiment qawwi pożittiv. Il-maġġoranza ta’ dawk intervistati sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom tjiebet matul l-aħħar tnax-il xahar u jemmnu li se jkompli jkun hemm titjib fis-sena li ġejja. Fost l-oħrajn, il-konsumaturi Maltin u Għawdxin qed ibassru tnaqqis fl-inflazzjoni u fil-qgħad f’pajjiżna. Dan it-tbassir pożittiv qed iwassalhom biex jikkonsmaw aktar bħalissa milli kienu fi snin passati.
Minkejja dan il-konsum ikbar, statistika tal-Bank Ċentrali tindika li, meta mqabbla ma’ sena ilu, id-depożiti tal-familji Maltin u Għawdxin ma’ banek lokali laħqu l-livell rekord ta’ €8.4 biljuni, kważi €700 miljun aktar mindu bdiet din l-amministrazzjoni. Dan ir-riżultat jikkonferma li ż-żieda fil-konsum qed tkun akkumpanjata wkoll ma’ żieda fl-assi finanzjarji tal-familji Maltin u Għawdxin.