Il-gvern ippreżenta proposta fil-parlament biex l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li kellhom isiru f’Marzu li ġej u f’Marzu tal-2017 jiġu posposti għal 2019 biex isiru flimkien mal-elezzjoni għal Parlament Ewropew u fl-istess waqt jibqgħu jsiru kull ħames snin. Sadattant il-Gvern qal ukoll li l-ewwel trid issir il-konsultazzjoni ma’ dawk involuti mbagħad jitressaq l-abbozz uffiċjali fil-Parlament.
Dwar din il-proposta tkellimna mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li ammetta li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jservu bħala barometru għal partiti rispettivi. Għalhekk meta mistoqsi dwar jekk ir-raġuni vera u proprja li l-Gvern jipposponihom hiex dik li jxekkel lill-Partit Nazzjonalista milli jkejjel il-progress li jkun qed jagħmel fil-bini tal-partit mill-ġdid, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux ir-rwol tiegħu li jinterpreta r-raġuni għaliex il-Gvern ma jridx li jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, “li hu żgur hu li jekk dawn l-elezzjonijiet ma jsirux, il-Gvern ikun qed inaqqar id-demokrazija f’dan il-pajjiż” kompla Simon Busuttil.
Dwar jekk b’din il-proposta l-Gvern mhux qed itellef liċ-ċittadin li jesprimi ruħu b’vot għal dak il-kunsill li forsi mhux qed jaħdem biżżejjed, il-kap tal-Oppożizzjoni kellu dir-risposta, “Bla dubju li hemm kunsilli li mhux qed jiffunzjonaw kif suppost u diġà teżisti għajta biex jinbidlu xi nies fihom. Hemm oħrajn li qed jagħmlu xogħol siewi ħafna u vot ta’ fiduċja kapaċi tagħtihom aktar grinta u ħeġġa biex jaħdmu għall-ġid tar-residenti. Jekk jitneħħew l-elezzjonijiet il-gvern ikun qed joqtol il-Kunsilli Lokali.
“Is-sindki li jirrappreżentaw il-partit li mmexxi huma favur id-demokrazija u mhux favur it-tneħħija tal-elezzjonijiet. Is-sindki Nazzjonalisti lanqas biss ġew konsultati dwar din id-deċiżjoni. Wara li jien żvelajt din id-deċiżjoni fil-parlament, il-Ministru Owen Bonnici qal li se ssir konsultazzjoni. Hu ironiku li l-Gvern irid li jikkonsulta dwar jekk għandux jikkonsulta l-elettorat jew le.”
Dwar jekk jaħsibx li l-għajta tal-Oppożizzjoni hux qed tasal mal-gvern, Simon Busuttil qal li l-gvern għandu disa’ siġġijiet maġġoranza, “u għalhekk jista’ jgħaddi din il-bidla fil-liġi minkejja l-vot kontra tagħna. Jekk dan iseħħ, tkun l-ewwel darba li proċess elettorali tbiddel mingħajr qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni. Dan inawwar il-fiduċja fis-sistema demokratika ta’ pajjiżna. Meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern, dejjem fittex u sab ftehim mal-Partit Laburista kull meta sar tibdil.”
L-ILLUM staqsa wkoll lil Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-fatt li l-Kulleġġ tal-Kunsilliera kien għadu ma ġiex konsultat, “Kieku ma tkellimtx jien fil-parlament, ħadd ma kien jitkellem. Anke l-Ministru Owen Bonnici kkonferma li ma saret l-ebda tip ta’ konsultazzjoni. Hawnhekk m’aħniex nitkellmu dwar kwalunkwe ħaġa, imma dwar proċess demokratiku. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu kull dritt jagħżel hu min ikunu r-rappreżentanti tiegħu, iżda l-gvern m’għandu l-ebda dritt jikkanċella elezzjonijiet biex dawn isiru erba’ snin wara.
“Jien nerġa’ nisfida lill-Gvern biex jippubblika minnufih l-abbozz tal-liġi biex inkunu nafu eżatt x’inhuma l-intenzjonijiet tiegħu.”
Mitlub x’jaħseb li huma dawn l-intenzjonijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni weġibna, “dik il-mistoqsija għamluha lil Prim Ministru.
Dan il-ġurnal tkellem wkoll ma’ Dr. Mark Sant li hu l-President tal-Kulleġġ tal-kunsilliera fejn ikkonferma li l-konsultazzjonijiet għadhom ma sarux iżda se jsiru f’dawn il-ġranet li ġejjin, “Qalulna li se jitkellmu magħna dwar il-proposta fil-jiem li ġejjin. Qed nistennew li jispjegawlna eżatt x’se jiġri, imbagħad neħduha u niddeċiedu minn hemm.”