Jitlesta l-proġett fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli

Il-proġett fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli tlesta u jista’ jibda jitgawda mill-pubbliku.

Parti mit-tisbiħ li sar fuq l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli
Parti mit-tisbiħ li sar fuq l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli

L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li tinħoloq bħal mixja maġenb l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, bl-iskop li dawn l-inħawi jibdew joffru ambjent isbaħ b’inqas periklu. Il-proġett jikkonsisti fil-bini ta’ bankina b’tul ta’ madwar żewġ kilometri mat-triq, b’wisgħa ta’ madwar metru u nofs, biex il-pubbliku, kif ukoll persuni li għandhom diżabbiltà, ikollhom aċċessibbiltà aħjar għall-veduti ta’ dawn l-inħawi u b’hekk ikun ukoll ta’ attrazzjoni ġdida għat-turisti.

Il-proġett kien jinkludi wkoll ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, li sar b’tali mod li ġie rispettat il-karattru ta’ dan is-sit. Ix-xogħlijiet ma kinux faċli peress li kien hemm ċerti diffikultajiet f’żoni partikolari fejn il-wisgħa tat-triq kien dejjaq wisq biex jippermetti li tgħaddi l-bankina. Dan fid-dawl tal-fatt li l-proġett sar bl-iskop li l-mixja tkun waħda sħiħa għat-tul kollu tal-bankina. L-uniku soluzzjoni kienet li l-proġett jibqa’ għaddej minn fuq ix-xagħri, xi ħaġa li qatt ma setgħet issir minħabba din hija żona speċjali ta’ konservazzjoni u protetta. Għaldaqstant, parti mill-bankina kellha titla’ ’l fuq b’mod li ma tħallix impatt fuq l-ambjent naturali tal-madwar.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Joe Mizzi qal li dan il-Gvern qed iħares ’il quddiem lejn aktar proġetti li minnhom igawdu l-poplu Malti. Huwa qal li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed iħabbar il-bidu ta’ proġett ieħor fin-Nofsinhar ta’ Malta, filwaqt li lejn l-aħħar ta’ dan is-sajf, se nkunu qed naraw iżjed proġetti jaslu fit-tlestija tagħhom, fosthom il-proġett ta’ Bormla, il-bini tal-Parlament il-ġdid u l-proġett ta’ Sant Jiermu.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg tkellem dwar kif il-Fond għall-Iżvilupp Rurali qed ikun importanti sabiex nesponu ż-żoni rurali mill-isbaħ għal dawk kollha li jżuruna kif ukoll il-Maltin li japprezzaw u jħobbu jgawdu l-kampanja Maltija.

More in Politika