Il-mistiedna ta’ Saviour Balzan din il-ġimgħa se jkunu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici u l-Professur Stephen Calleya.
Il-ġlied bejn ir-ribelli militanti Libjani qed iwassal għall-imwiet ta’ għexieren ta’ nies kif ukoll għall-ħtif ta’ nies inkluż ħaddiem Malti li nħataf waqt li kien sejjer għax-xogħol fil-periferija tal-belt ta’ Tripli.
Bl-ajruport ta’ Tripli magħluq wara diversi attakki mir-ribelli, Balzan jistaqsi fost oħrajn jekk hemmx pjanijiet lesti għal evakwazzjoni totali tal-Maltin li fadal il-Libja u jekk hemmx pajjiżi oħra f’kuntatt ma’ Malta biex pajjiżna joffri assistenza liċ-ċittadini tagħhom meta dawn jinħarġu ’l barra mil-Libja.
Jistaqsi wkoll dwar l-immigranti li qed ikomplu jaħarbu minn pajjiżhom minħabba ġlied kontinwu, fosthom Sirjani u Iraqqini, u dwar l-attakki Iżraeljani fuq il-poplu Palestinjan fil-medda ta’ Gaża. Sitwazzjoni li qed twassal lil dawn in-nies iħallu kollox warajhom biex jaqbdu traġitti perikolużi fuq il-baħar li kemm-il darba jispiċċaw fi traġedji.
Reporter għandu produzzjoni u preżentazzjoni minn Saviour Balzan mgħejun mill-ġurnalist Frederick Attard.