“Il-Gvern tilef il-kontroll tal-qagħda finanzjarja” – Kristy Debono

ILLUM tkellmet ma’ Kristy Debono, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku, dwar il-kritika tal-Oppożizzjoni fil-qasam ekonomiku

Kristy Debono
Kristy Debono

Din il-ġimgħa fil-Parlament ġie diskuss l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta l-miżuri tal-estimi tal-baġit. 

Fid-diskussjoni ħadu sehem bosta deputati, fosthom l-ekonomista Kristy Debono għan-naħa tal-Oppożizzjoni li attakkat bl-aħrax in-nuqqas ta’ direzzjoni ekonomika tal-Gvern, iż-żieda fl-impjiegi mal-gvern u li skont hi, il-Gvern qed iberbaq flus il-poplu bla kontroll u mingħajr prijoritajiet, ħlief dawk partiġġjani. Tant hu hekk, li qed jagħmel disservizz lil pajjiżna. Hi kkritikat ukoll in-nefqa tal-Gvern ta’ €22 miljun aktar fi spiża ta’ pagi fi tliet xhur.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Kristy Debono, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku dwar il-kritika tal-Oppożizzjoni fil-qasam ekonomiku.

Debono qalet li bħalissa għaddejja d-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji u żgur li huwa ferm rilevanti li nitkellmu fuq l-estimi biex naraw kif dawn finalment se jittraduċu ruħhom f’realtà. Dan għaliex s’issa mill-indikazzjonijiet li għandna u miċ-ċifri li għandna f’idejna, joħroġ bl-aktar mod ċar li fejn jidħlu l-estimi finanzjarji dan il-gvern tilef kull kontroll, u agħar minn hekk tilef kull sens ta’ kontroll fuq il-qagħda finanzjarja tal-Gvern - fuq id-dħul u l-ħruġ tal-gvern b’mod partikolari.

Hi qalet li din ix-xejra ta’ sfrattu fil-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna jidher li kulma jmur qed tkompli tirranka u tikkarga, kif jikkonfermaw iċ-ċifri pubblikati mill-NSO dwar id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern - l-iżbilanċ u d-dejn ta’ pajjiż.

“L-istatistika li għandna f’idejna turi li l-Gvern tilef il-kontroll tal-iżbilanċ fit-tielet kwart tas-sena. Fuq is-sena li għaddiet l-iżbilanċ ta’ pajjiżna tela’ minn €57 miljun għal €94 miljun. Dan juri biċ-ċar li dan il-gvern mhux talli tilef il-kontroll tal-qagħda finanzjarja, talli ma jridx li l-finanzi tal-pajjiż ikunu taħt kontroll, u jingħataw xi forma ta’ direzzjoni.”

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, Debono qalet li l-Gvern jaf li s’issa d-defiċit tal-pajjiż diġà qed ilaħħaq il-livell ta’ €241.4 miljun. Il-Gvern jaf ukoll li għas-sena 2013 kien wegħedna li l-livell tad-defiċit se jkun ta’ 2.7% tal-Prodott Domestiku Gross. 

“Jekk nikkalkulaw dan ma’ tkabbir nominali tal-Prodott Domestiku Gross ta’ 5% għall-2013 allura biex il-Gvern iżomm mal-mira tiegħu jrid jagħlaq bi żbilanċ ta’ madwar €194.2 miljun. Ċifra li għall-Gvern se tkun diffiċli ferm li tintlaħaq.”

Dan għaliex, skond Debono, il-Gvern jaf li fl-aħħar kwart tas-sena, il-probabbiltà hi li mhux se jkun f’pożizzjoni li jkollu surplus fil-finanzi tiegħu. Għaldaqstant, biex il-Gvern jilħaq iċ-ċifra ta’ 2.7% li wiegħed, irid li jkollu tal-anqas surplus fil-finanzi ta’ ’l fuq minn €47 miljun, mira li ma tantx hija realistika u li diffiċli li tintlaħaq. “Qed nistenna mingħand il-Ministru biex jekk il-kalkoli tiegħi huma żbaljati jikkoreġini u jgħidli fejn jiena skorretta. Hi fissret kif għas-sena 2013 se jkollna kif proġettat mill-Unjoni Ewropea defiċit li jaqbeż it-3% u għalhekk pajjiżna se jibqa’ taħt il-proċedura tad-Defiċit Eċċessiv, l-Excessive Deficit Procedure. 

More in Politika