Jattakka l-IIP ta’ Malta iżda jinvesti fi programmi simili fil-Karibew

Attakk infami

Nuri Katz, miljunarju Russu bi tliet passaporti
Nuri Katz, miljunarju Russu bi tliet passaporti

Miljunarju Russu, li fl-aħħar xhur intuża mill-Partit Nazzjonalista fil-kampanja kontra l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment tal-gvern, għandu interessi qawwija fi programmi simili fi gżejjer fil-Karibew.

Dan il-miljunarju Russu huwa Nuri Katz, President ta’ Apex Capital, u huwa involut f’konsulenzi fuq xiri ta’ ċittadinanzi b’investiment u anke f’bejgħ ta’ propjetà lussuża. 

Katz għandu tliet passaporti - Iżraeljan, Kanadiż u Amerikan - wara li għamel żmien jgħix il-Kanada mar lura r-Russja fejn ibiegħ proprjetà bi prezzijiet għolja ħafna. B’mod partikolari jbigħ lil ċittadini Russi li jfittxu residenza barra mill-pajjiż taħt programmi ta’ ċittadinanza.

Katz involva ruħu fil-bejgħ tal-proprjetà f’dan iż-żewġ gżejjer, wara li fl-2006 u fl-2007 il-kumpanija Henley & Partners kienet għenet lill-gvern ta’ Saint Kitts u Nevis biex saret riforma tal-programm tagħhom ta’ ċittadinanza b’investiment. 

Fil-kritika tiegħu kontra l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment tal-gvern, li ntużat bi prominenza mill-Partit Nazzjonalista, Katz iddeskriva dan il-programm bħala tad-dilettanti, dgħajjef u li qatt ma ra bħalu, anki jekk dan l-istess programm huwa l-unika wieħed li kiseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-kritika qawwija li saret minn Nuri Katz qed tkun interpretata bħala attakk fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna għaliex il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment li qed joffri l-gvern jista’ jkun ta’ kompetizzjoni kbira għall-interess tiegħu f’investiment fi propjetà f’Saint Kitts u Nevis.

L-attakki ta’ Nuri Katz kontra l-gvern ingħataw importanza kbira wkoll mill-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia.

More in Politika