Spekulazzjoni u inċertezzi marbuta mar-reshuffle tal-kabinett ta’ Muscat

Matul l-aħħar ġimgħat qamet kontroversja sħiħa dwar ir-reshuffle li potenzjalment jista’ jagħmel il-gvern fil-ġimgħat li ġejjin. Min jgħid li dan se jkun ta’ ġid għall-gvern filwaqt li oħrajn qed jisħqu li jekk isir ir-reshuffle ikun ifisser li Muscat ċeda għall-pressjoni u r-roadmap li kien jiftaħar biha qabel l-elezzjoni ġenerali kienet sempliċiment għajta ta’ qabel l-elezzjoni. Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM staqsiet numru ta’ edituri u liċ-ċermen tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, jekk jaħsbux li r-reshuffle huwa bżonjuż u għalfejn.

“Bidla fil-kabinett daqshekk kmieni fil-leġiżlatura tagħti l-impressjoni li mhux veru li Joseph Muscat kellu xi roadmap”
“Bidla fil-kabinett daqshekk kmieni fil-leġiżlatura tagħti l-impressjoni li mhux veru li Joseph Muscat kellu xi roadmap”

Il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, Reno Bugeja, qal li din hija materja tal-Prim Ministru. “Huwa jaf xi bżonnijiet għandu,” sostna Bugeja fi tweġiba kemxejn xotta.

Nathaniel Attard, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications, qal li jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat jew xi sors qrib ħafna tiegħu qed jgħid lill-mezzi tax-xandir li se jagħmel reshuffle (għax hu l-Prim Ministru biss li jista’ jagħmel reshuffle u allura hu biss jista’ jkun jaf x’fiha), u kemm se tkun kbira, hemm diversi raġunijiet għala jista’ jkun qed jagħmel dan. 

L-ewwel nett, li l-Prim Ministru qed jipprova jidher sabiħ billi jitfa’ t-tort għall-iżbalji tiegħu fuq il-Ministri billi jċaqlaqhom. 

It-tieni, sostna Attard, hi li bidla fil-kabinett daqshekk kmieni fil-leġiżlatura tagħti l-impressjoni li mhux veru li Joseph Muscat kellu xi roadmap jew l-aqwa kabinett, kif kien qed jiftaħar sena ilu.

It-tielet, li Joseph Muscat qed juża l-ġurnali biex jara xi tkun ir-reazzjoni jekk tassew jagħmel it-tibdil li qed ikun imbassar, dak li l-Ingliżi jsejħulu ‘kite-flying’.  

Ir-raba’, kompla Attard, li l-Prim Ministru qed jipprova jagħti l-impressjoni li din se tkun bidla kbira biex meta jagħmilha n-nies jaħsbu li allura mhix kbira daqs kemm bassru l-ġurnali (li, hekk jew hekk, qalilhom hu jew sorsi qrib ħafna tiegħu). 

Il-ħames, li Joseph Muscat mhux jinduna li x-xnigħat ta’ reshuffle jġibu inċertezza kemm fil-ministeri nfushom kif ukoll fl-operaturi ekonomiċi u soċjali li jkunu ttrattaw ma’ Ministri partikolari u li jkunu jridu jerġgħu jibdew mill-ġdid ma’ xi Ministru ieħor. 

Is-sitta, li l-Prim Ministru mhux jinduna li l-inċertezza dwar il-Ministri twaqqaf jew iddewwem xogħol li jkun beda u li żgur m’hawnx bżonn din l-inċertezza speċjalment meta għandna ċifri ta’ qgħad qed jiżdied, għoti ta’ sensji, tnaqqis fl-importazzjoni u tnaqqis fl-esportazzjoni. 

Is-seba’, li Prim Ministru serju, anke jekk ikun qed jagħmel reshuffle daqshekk kmieni fil-leġiżlatura, iħabbarha meta jkun għamilha, u mhux joħloq spekulazzjoni u inċertezza hu stess minn qabel. 

L-editur tas-sit inewsmalta.com, Aleander Balzan, qal li sena ta’ gvern hija żmien tajjeb biex Prim Ministru jagħmel ċerti bidliet fil-kabinett. “Il-kabinett huwa magħmul minn persuni u għalhekk meta wieħed ikun ħadem magħhom iktar fil-viċin ikun jista’ jifhem u japprezza x’inhuma l-aqwa kwalitajiet, jew in-nuqqasijiet f’individwu.”

Balzan sostna li dan jista’ jwassal biex ikun hemm bidla ta’ rwoli jew saħansitra d-deċiżjoni li individwu jista’ jaqdi lill-poplu aħjar f’kariga oħra, forsi anke lil hinn mill-istess kabinett.

“F’dan il-każ għandna wkoll Prim Ministru li jrid jagħżel persuni għall-karigi importanti fil-pajjiż – President u Kummissarju Ewropew – u huma persistenti l-għidut li għal xi waħda minn dawn il-karigi jista’ jingħażel xi membru tal-kabinett. Hawn il-Prim Ministru qiegħed f’pożizzjoni diffiċli, imma fl-istess ħin tajba.”

Għandu numru ta’ persuni tajbin minn fejn jagħżel għal dawn iż-żewġ karigi, kompla Balzan, u fl-istess ħin għandu wkoll għadd ta’ Segretarji Parlamentari ta’ stoffa li faċilment jista’ jkun hemm uħud minnhom li jiġu elevati għall-Ministri. Hemm ukoll xi backbenchers li għandhom dawn il-kwalitajiet.

“Fl-aħħar mill-aħħar wieħed irid iżommu f’moħħu li dan il-gvern għandu sfidi kbar. Dan mhux lanqas għaliex ħa t-tmexxija tal-pajjiż wara tant snin barra minnha.”

Għaldaqstant, sostna Balzan, ikun għaqli jekk il-Prim Ministru juża l-esperjenza sa issa u jkollu l-kuraġġ li jirfina fejn hemm bżonn. U dan mhux issa biss. F’dinja fejn kollox jinbidel il-ħin kollu bidla f’kabinett m’għandha taħsad il-ħadd. Ngħid għalija iktar iddejjaqni l-biża’ minn bidliet bħal dawn.

Il-Kap tal-mezzi tax-xandir tat-Times of Malta, Herman Grech, qal li jemmen li reshuffle huwa tajjeb għaliex iżomm lill-Ministri u s-Segretarju Parlamentari fuq ponot subgħajhom. “Ħadt ma jieħu gost ikun relegat minn pożizzjoni pubblika.” 

Mandanakollu, waħda mill-ikbar problemi f’dan il-pajjiż hija l-kontinwità. Diġà hija sitwazzjoni ħażina ħafna meta niġu għal bidliet minn amministrazzjoni għall-oħra. Għaldaqstant, ikun żball jekk ix-xogħol li nbeda minn xi Ministru jew Segretarju Parlamentari partikolari jieqaf ħesrem minħabba reshuffle.

Hu fisser kif fi żmien qasir il-Gvern se jkollu tliet deċiżjonijiet importanti x’jieħu: Il-President tar-Repubblika, il-Kummissarju Ewropew Malti u nominazzjoni għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Grech semma’ kif ċerta ministri għamlu żbalji u gaffes. “Bil-kuntrarju, wieħed jew tnejn mis-Segretarji Parlamentari urew li huma kapaċi jkollhom irwoli aktar importanti. Ħaġa waħda tibqa’ importanti: li d-daqs tal-kabinett ma jistax jikber iktar u jsir iktar għali,” temm jgħid Grech.

Iċ-ċermen tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, qal li probabbilment ir-reshuffle ser tkun iddettata mill-ħatriet imminenti tal-President u tal-Kummissarju Ewropew Malti. Tkun okkażjoni tajba biex tippremja lil min ħadem tajjeb u “to cut down to size” lil min ma kienx effiċjenti jew li kien arroganti f’xogħlu. 

“Nittama lir-reshuffle ma sservix ta’ okkażjoni biex il-Prim Ministru jixtri s-silenzju u joqtol il-garr ta’ xi dissidenti interni... kif imdorri jagħmel Dr Muscat,” qal iċ-ċermen tal-AD.

More in Politika