Miżuri dwar atteġġjament negattiv ta’ tfal u żgħażagħ

Ġie żviluppat ukoll programm ta' parenting skills
Ġie żviluppat ukoll programm ta' parenting skills

Il-ħaddiema soċjali fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent jaħdmu id f’id mal-ħaddiema soċjali u l-ħaddiema tal-komunità li jaħdmu fl-Aċċessijiet.

Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea li staqsa jekk il-Ministeru hux qed jikkollabora ma’ aġenziji tal-Gvern bħal Appoġġ biex jassigura li l-istess Ministeru jkun jista’ jiġi infurmat dwar xi żviluppi partikolari li jikkonċernaw it-tfal u ż-żgħażagħ.

Fit-tweġiba Bartolo żied li tinżamm komunikazzjoni regolari bejn il-professjonisti involuti għall-ġid tal-istudent u l-familja tiegħu. Qal li huwa importanti li wieħed jiċċara li l-ħaddiema soċjali jaħdmu wkoll ma’ studenti li għandhom problemi ta’ mġiba u atteġġjament negattiv. 

Il-Ministru kompla jgħid li bħalissa qed iħaddmu anke proġetti flimkien bħal fil-każ tal-Aċċess tal-Imsida fejn għaddejjin il-preparamenti bejn il-ħaddiema tal-komunità u t-tim ta’ professjonisti Edukattivi Psikosoċjali fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża biex jiġi żviluppat programm ta’ parenting skills għall-ġenituri tat-tfal li jattendu l-primarja tal-Imsida.

Żied jgħid li hemm ukoll il-ħsieb li dan il-programm isir fi skejjel oħra u li din il-miżura hija waħda preventiva minħabba li l-ġenituri qed jitgħallmu ħiliet biex ikunu jistgħu jrabbu t-tfal tagħhom bl-aħjar mod u b’hekk innaqqsu l-problemi ta’ mġieba li qed niffaċċjaw fl-iskejjel. 

Bartolo qal li meta jiġu organizzati proġetti mill-Aċċessijiet għat-tfal, żgħażagħ u familji, il-professjonisti li jaħdmu fil-kulleġġi relevanti jiġu infurmati biex jidentifikaw l-istudenti u l-familjari tagħhom li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-proġetti. Semma li kien hemm ukoll proġetti li ġew organizzati u mwaqqfa ma’ skola partikolari fejn ġew indirizzati problemi speċifiċi tal-lokalità, pereżempju, Homework Club f’San Pawl il-Baħar.

Il-Ministru qal li kien hemm ukoll ċirkostanzi fejn ittieħdu inizjattivi fuq livell ta’ kulleġġ biex ittejjeb il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet, pereżempju, fi skola minnhom isiru laqgħat fuq bażi regolari mar-rappreżentanti mis-Servizz ta’ Protezzjoni għat-Tfal tal-Aġenzija Appoġġ minħabba li hemm numru mhux ħażin ta’ studenti li jiġu segwiti mill-istess servizz. 

More in Politika