Akkuża li qed issir biex jiġi ostakolat ir-referendum tal-kaċċa

Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali posposti 

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex jipposponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali qed tiġi interpretata bħala deċiżjoni makjavelljana. Dan biex jisfratta l-parteċipazzjoni fir-referendum biex tiġi abrogata l-kaċċa fir-rebbiegħa. Sorsi qrib il-Prim Ministru qalu li mhux veru li dawn it-tibdiliet qed isiru biex jiġi sfrattat ir-referendum.

Il-koalizzjoni ta’ kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa ġabret mat-43 elf firma biex torganizza referendum biex tabroga l-kaċċa fir-rebbiegħa. L-ewwel referendum ta’ dan it-tip f’pajjiżna. 

Fil-Parlament, il-Ħamis, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddeskriva b’mod eseġerat lil Joseph Muscat bħala dittatur stil Afrikan.

Muscat ma kienx entużjast għar-referendum

L-akkuża saret wara li s-Segretarju Ġenerali Chris Said induna li l-intenzjoni tal-Gvern kienet li jipposponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tas-sena d-dieħla biex b’hekk ma jkunx hemm parteċipazzjoni qawwija għar-referendum u b’hekk ma jintlaħaqx il-kworum meħtieġ biex referendum ikun validu. Said induna wara li tkellem ma’ Stefan Buontempo, li hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali.

Sorsi qrib il-Prim Ministru qalulna, li Muscat ma kienx entużjast għar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. U jaf li jekk dawn ma jsirux flimkien mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali n-nies jispiċċaw ma joħorġux jivvutaw.

Tajjeb wieħed ma jinsix li ftit tal-ġimgħat ilu ġie żvelat fl-istampa li minn informazzjoni li ħarġet fil-pubbliku deher li l-maġġoranza tan-nies riedu li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsiru kollha fl-istess żmien. 

More in Politika