Pass ta' ġgant

Sena mir-rebħa storika Laburista

Minn Joseph Cuschieri

Fil-jiem li ġejjin se nkunu qegħdin infakkru l-ewwel sena tal-Gvern Laburista ġdid immexxi minn Joseph Muscat. Fiha nnifisha għandha tkun opportunità sabiex naraw x’sar u x’inkiseb f’dawn l-aħħar tnax-il xahar aktar milli biex noqogħdu noħolqu xi forma ta’ ċelebrazzjoni fil-vojt. Partit politiku qiegħed hemm biex iġedded u jiġġedded, iżda bla dubju l-ewwel sena ta’ leġislatura ġdida hija dejjem mera utli tal-ħidma mwettqa u tal-ħidma li għad trid titwettaq fis-snin li ġejjin.

Għalija, din ir-realtà ġġib magħha element qawwi ta’ sodisfazzjon imħallat man-nostalġija. Mhix nostalġija fiergħa, iżda espressjoni ta’ ferħ meta nara kif dak il-pass żgħir li ħadt jien sitt snin ilu, meta minn jeddi ċedejt is-siġġu parlamentari tiegħi lil Joseph Muscat bħala l-mexxej ġdid tal-Partit Laburista, llum sar pass ta’ ġgant li permezz tiegħu Malta u Għawdex qed jesperjenzaw bidla drastika u pożittiva tista’ tgħid f’kull qasam tal-ħajja.

“Joseph Muscat wera li ma kienx jibża’ mill-ġejjieni”

Joseph Muscat

Joseph Muscat nissel fil-politika Maltija dak is-sens ta’ ħeġġa u innovazzjoni li tant konna ilna neqsin minnhom. Għamel hekk mill-ewwel jum li ħa f’idejh it-tmexxija tal-partit, partit li kien għadu mifxul u mħawwad wara snin twal fl-oppożizzjoni, biex hekk nieda proċess qawwi ta’ bidla u aġġornament mhux biss fost is-segwaċi leali tiegħu, iżda anki fost il-poplu Malti u Għawdxi li kien beda jaqta’ qalbu li seta’ xi darba jara l-pajjiż ifiq mill-ħmieġ tal-korruzzjoni u l-arroganza, l-għażż, it-telqa u l-iżdingar li kien imtela bihom il-gvern preċedenti u l-klikka ta’ madwaru.

Tul il-ħames snin bejn il-ħatra tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista u l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013, Joseph Muscat wera li ma kienx jibża’ mill-ġejjieni li għalih, għall-partit tiegħu u għal ħafna nies li kienu xebgħu min-Nazzjonalisti, kien ifisser triqat u mogħdijiet ġodda li minnhom il-pajjiż seta’ jgħaddi biex finalment jibda jħares ’il quddiem b’fiduċja u ottimiżmu.

Dan il-bidu tal-proċess li eventwalment wassal għar-rebħa storika Laburista fl-aħħar elezzjoni, seħħ sitt snin ilu mar-riżenja tiegħi mill-Parlament biex Joseph Muscat seta’ jassumi r-rwol ġdid tiegħu fil-pajjiż. Biex, kif ilkoll nafu, minn hemm ma ħares qatt lura, tant li issa wasalna fl-istadju fejn nistgħu nitkellmu fuq l-ewwel sena tal-gvern tiegħu.

Malta Tagħna Lkoll

Kienet sena eċitanti u mimlija ħajja u innovazzjoni. Malta u Għawdex fehmu mill-ewwel li Joseph Muscat ma kienx qed jiċċajta meta wiegħed bidliet u ideat friski ta’ kif noħorġu lil pajjiżna mid-dlam li fih kien mitluf sa ftit xhur ilu. Kien għalhekk li rajna l-ekonomija nazzjonali tistejqer u trodd il-frott b’aktar impjiegi, b’aktar investiment lokali u barrani, b’aktar inizjattivi u b’riżultati aqwa tista’ tgħid f’kull qasam. 

Meta konna mdorrijin bl-ewwel baġit jew tnejn f’leġislatura bil-gvern tal-ġurnata jagħżel li jagħsar il-poplu b’taxxi u restrizzjonijiet ġodda, l-ewwel baġit veru ta’ Joseph Muscat kien karatterizzat minn nuqqas ta’ taxxi, titjib fil-ħarsien soċjali, għarfien tal-jeddijiet tal-minoranzi, inċentivi għall-familji u għall-industriji, flimkien mal-impenn ta’ kontijiet irħas għad-dawl u l-ilma. Kienet doċċa kiesħa għal min kien baqa’ – u jidher li għadu – jaħseb bil-mentalità antika tal-politika Maltija.

“Kienet sena eċitanti, mimlija ħajja u innovazzjoni”

Tifraħ li dak il-pass żgħir li ħadt dakinhar, illum qed jissarraf f’tant ġid, f’tant ħidma u f’tant ħerqa għall-ġid ta’ dan il-pajjiż.

L-ewwel pass huwa dejjem importanti, iżda daqstant ieħor importanti hija l-ħtieġa li mhux biss jinżamm it-temp ta’ dan il-pass, iżda li saħansitra anki jikber u jsir, kif sar, wieħed ta’ ġgant b’risq il-poplu Malti u Għawdxi li f’Marzu li għadda wieġeb b’mod l-aktar massiċċ u konvinċenti għall-impenn ta’ Joseph Muscat, tal-Partit Laburista u tal-moviment nazzjonali li ssawwar madwaru sabiex ‘Malta tkun tassew tagħna lkoll’.

Joseph Cuschieri hu l-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew

More in Politika