
Perit f’bord tal-MEPA b’introjtu ta’ €788,000
More in Politika
Lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2008, ċertu perit jismu Ruben Sciortino kien wieħed minn erba’ persuni maħtura personalment minn Lawrence Gonzi fuq il-Bord tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp tal-MEPA, bord li jibqa’ mfakkar għan-numru rekord ta’ każi li mexxa ’l quddiem fi żmien ġimgħa.
ILLUM ikompli jiżvela iktar informazzjoni dwar il-ħlasijiet li qed isiru lill-Perit Ruben Sciortino wara li fl-aħħar snin dan il-perit kien innominat mill-MEPA biex jagħmel moniteraġġ ta’ tliet proġetti kbar.
Ftit tal-ġimgħat ilu ILLUM żvela l-ħlasijiet li ngħataw lill-Perit Sciortino f’sena waħda biss għax-xogħol ta’ moniteraġġ li tqabbad jagħmel mill-MEPA. Il-proġetti li fuqhom il-Perit Sciortino ngħata dax-xogħol huma Smart City, Fort Cambridge u l-Metropolis.
Illum iżda din il-gazzetta tista’ tiżvela li fuq medda ta’ sitt snin, bejn l-2008 u s-sena l-oħra, għal xogħol fuq dawn it-tliet proġetti dan il-Perit tħallas b’kollox €788,000.
Mal-95% ta’ dawn il-ħlasijiet kollha - mas-€740,000 - huma marbuta mal-moniteraġġ li dan il-Perit tqabbad jagħmel fuq il-proġett ta’ Smart City, proġett li għal snin sħaħ tħalla jaqa’ lura minn gvernijiet differenti Nazzjonalisti.
Għax-xogħol fuq Fort Cambridge l-Perit Sciortino jitħallas kważi €40 is-siegħa.
Għax-xogħol fuq Metropolis dan il-Perit jitħallas bi tliet rati differenti għal kull siegħa. Għal xogħol operazzjonali jitħallas kważi €70 is-siegħa, għal xogħol marbut ma’ kontroll ta’ trab jitħallas €80 is-siegħa waqt li għal xogħol ta’ kontroll ta’ ħsejjes u vibrazzjoni jitħallas €165 is-siegħa.
Fuq Smart City, il-Perit Sciortino għandu żewġ ħlasijiet differenti, €65 is-siegħa u €300 kuljum.
ILLUM huwa informat li bil-ftehim li Sciortino għamel mal-MEPA, huwa jibqa’ jgawdi minn dawn il-ħlasijiet fenominali sakemm jitlestew Smart City, Fort Cambridge u Metropolis.
Ippruvjana nitolbu kumment minn dan il-perit ilbieraħ, iżda ma kien hemm ebda risposta.