Ir-residenti ta’ Triq Bastion fl-Isla qegħdin jitħallew imqajmin għal iljieli sħaħ minħabba xogħlijiet li bħalissa għaddejjin fuq riggijiet taż-żejt. Arnold Cassola u Carmel Cacopardo f’isem l-Alternattiva Demokratika llum f’konferenza stampa staqsew min ta dan il-permess f’din iż-żona residenzjali.
Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-kumpanija Palumbo Shipyards. Cassola u Cacopardo qalu li filwaqt li d-dockyard bilfors li kellu jagħmel xi xogħlijiet, din hi storja kompletament differenti u għas-saħħa tar-residenti tal-madwar, dan ix-xogħol qatt ma jmissu tħalla jsir.
“Ix-xogħol li għaddej matul il-ġurnata u matul il-lejl qiegħed iħalli impatt fuq is-saħħa tar-residenti. Min approva u ta l-permess lil dawn iż-żewġ riggijiet taż-żejt? Ir-residenti anqas biss jistgħu jorqdu sew bil-ħsejjes li hawn,” qal Cassola.
Hu qal li matul is-snin li għaddew, din ma kinitx l-ewwel darba li x-shipyard kien il-kawża ta’ detriment għar-residenti, kemm minħabba l-istorbju kbir li jkun hemm u anki minħabba li taffettwalhom saħħithom.
Cacopardo żied jgħid li kien obbligu tad-dockyard li jikkonsidra l-impatt li dawn ix-xogħlijiet jistgħu jħallu fuq ir-residenti fil-madwar.
L-AD ferħet lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni fuq il-pożizzjoni li t-tnejn li huma ħadu kontra l-permess tal-Port Ħieles u ħeġġet lill-Gvern biex jiddisassoċja lilu nnifsu mix-xogħlijiet li qed isiru fl-Isla.
Ma kienx ċar għall-AD għala nħarġu permessi għall-manutenzjoni ta’ żewġ riggijiet taż-żejt daqshekk viċin żoni residenzjali.
“Din it-tip ta’ attività mhux kompatibbli maż-żona u m’għandix tkun tollerata. Iktar minn hekk, wasal iż-żmien li għandna nibdew nikkunsidraw serjament l-impatt li ċerti xogħlijiet iħallu qabel ma jkun approvat xi proġett,” qal Cacopardo.
Ix-xogħlijiet fuq wieħed mir-riggijiet beda mill-inqas erbat ijiem ilu, filwaqt li x-xogħol l-ieħor inbeda x-xogħol fuqu anki qabel.
Il-ħsejjes kontinwi tal-makkinarju qiegħed jirrita bil-kbir lir-residenti, li lmentaw min-nuqqas ta’ rqad anki għat-tfal tagħhom.
Cassola qal li l-konklużjoni wara dan kollu hi li d-Direttorat Ambjentali tal-MEPA kien insensittiv quddiem il-bżonnijiet tar-residenti.