Waqt iċ-ċerimonja tal-aċċettazzjoni tal-membri l-ġodda tal-Kumitati Amministrattivi, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo sostna li “jekk wieħed jgħid li s-sistema preżenti tal-kumitati amministrattivi hija waħda li taħdem b’mod perfett wieħed ikun qed jidħak bih innifsu.”
Huwa sostna li wasal iż-żmien sabiex inħarsu lejn riforma fis-sistema tal-Gvern Lokali, riforma li tħares lejn sistema fejn dawn it-tliet livelli ta’ Gvern Lokali (jiġifieri, ir-Reġjuni, il-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi) jaħdmu flimkien b’aktar sinerġija sabiex b’hekk l-istruttura tal-Gvern Lokali ssir waħda aktar effettiva u aktar viċin in-nies.
Dr Stefan Buontempo saħaq li ma jistax ikun li nkomplu noħolqu strutturi mingħajr ma nagħtuhom l-għodda meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jaħdmu u jwettqu l-proġetti tagħhom. Għalhekk irriafferma l-ħsieb tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali li wara konsultazzjoni wiesgħa jwettaq ir-riformi neċessarji.