Taħt l-amministrazzjoni preċedenti, jidher li kienet l-ordni tal-ġurnata li kull baġit li kien ikun hemm jiġi injorat. Minkejja l-ftaħir tal-good governance, il-gazzetta Illum tista tiżvela li fuq medda ta’ tliet snin, l-ispiża ta’ xogħlijiet fuq il-proġetti ta’ Bieb il-Belt, il-venda tal-Belt Valletta, il-lift tal-Barrakka u l-Baċir numru 1, marret żmerc bi €2.4 miljun.
Bejn l-2010 u l-2012, xogħlijiet partikolari marbuta ma' dawn il-progetti kellhom jiswew €5.5 miljuni iżda minflok swew €7.9 miljun.
L-eks-Ministru Austin Gatt kien il-moħħ wara dawn il-proġetti, l-istess ministru li jibqa’ mfakkar ukoll għad-diżastru tal-Arriva, apparti proġetti oħra tal-gvern preċedentI. Erba’ minn dawn ix-xogħlijiet kienu marbuta mal-proġett ta’ Bieb il-Belt. Fuq xogħol ta’ investigazzjoni fuq il-post fejn qed isir il-proġett kellhom jintefqu €50,000 iżda minflok intefqu €200,000. Għal twaqqiegħ ta’ bini u tħaffir kellhom jintefqu €480,000 iżda l-ispiża telgħet għal €630,000. Xogħol ta’ restawr li kellu jiswa €370,000 spiċċa sewa €555,000.
Fuq il-backstage tat-teatru bla saqaf sar xogħol li kellu jiswa €800,000 iżda fl-aħħar mill-aħħar dan sewa €1.3 miljun. Ħafna kuntratti relatati ma’ Bieb il-Belt għadhom fis-seħħ u għaldaqstant mhux magħruf jekk anki fuqhom eventwalment l-ispejjez jispiċċawx jisplodu ‘l fuq. Fuq xogħlijiet relatati mal-venda tal-karozzi tal-linja, li saru minħabba l-karozzi tal-Arriva, kellhom jintefqu €1.5 miljun iżda l-ispiża żdiedet għal €2.2 miljun.
Il-ħidma fuq il-lift tal-Barrakka kellha tiswa €2.3 miljun iżda ġiet tiswa €2.6 miljun. Fuq il-baċir numru wieħed, proġett li taħt il-gvern Nazzjonalista qatt ma mexa ‘l quddiem, xogħlijiet imsejħa ta’ emerġenza fuq triq waħda swew €325,000 meta l-ispiża kellha tkun ta’ €65,000.