
32 direct order lil ditta tal-avukati ta’ Simon Busuttil
More in Politika
Ditta tal-avukati li fit-tmexxija tagħha kien involut il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ingħatat bi ftit iktar minn €200,000 f’kuntratti u xogħlijiet taħt gvernijiet differenti Nazzjonalisti wara l-1998. Kwart minn din l-ispiża fuq dawn il-kuntratti u xogħlijiet kienu ħlasijiet li d-ditta ta’ Simon Busuttil ħadet permezz ta’ direct orders.
Id-ditta tal-avukati involuta kienet Ganado Sammut Advocates fejn fit-tmexxija tagħha ma’ Busuttil kien hemm involuti wkoll l-opinjonista l-Avukat Austin Sammut u l-Avukat Peter Fenech. Busuttil kien involut fit-tmexxija ta’ din id-ditta bejn l-1997 u l-2010, meta din l-istess ditta kienet ġiet xolta.
Bejn l-1998 u l-2010, mill-uffiċċju tal-Prim Ministru biss taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi, Ganado Sammut Advocates ingħatat 18-il direct order b’valur ta’ iktar minn €41,000. Dawn il-flus tħallsu lid-ditta tal-avukati ta’ Simon Busuttil mingħajr qatt ma kien hemm sejħa għall-offerti.
Dawn ma kinux l-uniċi xogħlijiet b’direct orders li gvernijiet Nazzjonalista taw lid-ditta legali li fiha hemm involut Simon Busuttil. Bejn l-1998 u l-2010 kien hemm erba’ Ministeri oħra – il-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Ministeru għall-Ekonomija, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għar-Riżorsi li bejniethom taw 14-il direct order oħra lil Ganado Sammut Advocates f’valur ta’ €10,000.
Dawn mhumiex l-unika każijiet ta’ direct orders mogħtija minn gvernijiet Nazzjonalisti lill-kumpaniji fejn jidher isem Simon Busuttil. Fil-ġimgħat li għaddew irriżulta li taħt gvernijiet Nazzjonalisti, il-kumpanija ta’ konsulenti Europa Research and Consultancy Services fejn Busuttil kien ukoll involut, ingħatat b’kemm jiswew ftit iktar minn €1 miljun f’xogħlijiet u kuntratti, li kważi nofshom ingħataw b’direct orders.