
Is-silenzju tal-Gvern dwar l-Air Malta
More in Politika
F’konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ waranofsinhar f’Ħal Safi, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia tkellem dwar il-pjan ta’ ristrutturar maqbul mill-Kummissjoni Ewropea u li kellu numru ta’ miri stipulati kif ukoll pakkett ta’ għajnuna mill-istat.
Mallia saħaq li l-impjegati tal-Air Malta għandhom dritt ikunu jafu x’qed jiġri fil-post tax-xogħol tagħhom u kif qed titmexxa l-linja tal-ajru. Żied jgħid li l- laqgħat bejn il-management u l-impjegati li kienu jsiru qabel twaqqfu ħesrem.
Mallia staqsa wkoll jekk sarx rapport lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-andament tar-ristrutturar kif ukoll staqsa għaliex qed isiru diversi trasferimenti u ċaqliq tal-ħaddiema bla bżonn.
Temm jgħid li l-linja nazzjonali tal-ajru hi kruċjali għat-turiżmu b’mod partikulari u għall-ekonomija b’mod ġenerali u li jekk jiġri xi ħaġa lill-Air Malta tkun affettwata l-ekonomija.
Fil-konferenza stampa tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo, Arrigo qal li l-Partit Laburista fil-Gvern qed jistinka biex jirbaħ il-voti u mhux biex iħaddem ir-roadmap dwar l-Air Malta, li inċidentalment, ma teżistix.
Arrigo esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ diversi ħaddiema li twaqqfilhom il-kuntratt tax-xogħol filwaqt li appella lill-gvern biex iwaqqaf l-inċertezza dwar il-futur tal-Air Malta.
Arrigo temm l-intervent tiegħu billi rrefera għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li saru minnu stess dwar l-Air Malta – liema mistoqsijiet baqgħu mhux imwieġba jew inkella ngħataw tweġibiet vagi li minnhom infushom joħolqu d-dubji.