Jitħallew fid-dlam dwar Għawdex

Il-Kummissjoni Ewropea ma qablitx li Gawdex gandu jkun trattat ajar
Il-Kummissjoni Ewropea ma qablitx li Gawdex gandu jkun trattat ajar

Gvern Nazzjonalista żamm mistur il-falliment tiegħu li jikkonvinċi lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti iktar fondi għal Għawdex anki mill-membri parlamentari Ewropej Nazzjonalisti stess.

Kien f’Mejju 2012 li fuq il-bażi ta’ studju dwar Għawdex li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika, gvern Nazzjonalista talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex Għawdex ikun trattat aħjar f’dawk li huma fondi bejn l-2014 u l-2020. Il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-istudji tagħha b’rabta ma’ din it-talba u f’Ottubru 2012 wieġbet lill-gvern Nazzjonalista li ma taqbilx li Għawdex għandu jkun trattat aħjar.

Erba’ xhur biss ’il bogħod mill-elezzjoni ġenerali, gvern Nazzjonalista ħa deċiżjoni li jżomm dan kollu mistur. Kien nhar is-Sibt li l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar dawn l-iżviluppi fejn qal li l-gvern Nazzjonalista ma kienx kapaċi jressaq argumenti b’saħħithom biżżejjed biex jikkonvinċi lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti iktar fondi biex ikunu investiti f’Għawdex. Il-Prim Ministru anke talab lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jerfa’ r-responsabbiltà għal dan in-nuqqas fil-konfront tal-Għawdxin. Minn naħa tiegħu Busuttil qal li l-gvern Nazzjonalista ġab l-aqwa pakkett għal Għawdex.

Minkejja dan iżda jirriżulta li gvern Nazzjonalista żamm in-negozjati li kellu fit-tieni nofs tal-2012 mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fondi għal Għawdex, mistura għal kollox, anki mill-membri parlamentari Ewropej tiegħu stess. Tant li fil-11 ta’ Frar li għadda, sena u erba xhur wara li l-Kummissjoni Ewropea ma laqgħetx it-talba tal-gvern Nazzjonalista biex tagħti iktar fondi għal Għawdex, l-ewro parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ressqet mistoqsija fil-Parlament Ewropew biex tara jekk il-gvern ressaqx lill-Kummissjoni l-istudju tiegħu dwar Għawdex u l-fondi Ewropej, u jekk il-Kummissjoni Ewropea weġbitx lura u jekk bagħtitx it-tweġiba tagħha lill-gvern Malti.

Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Michael Grech esprima d-dispjaċir tiegħu li huma baqgħu fid-dlam u ma kienu infurmati b’xejn.

“M’aħna kuntenti xejn għax ħadd qatt m’avżana li l-Gvern Malti kien talab ir-rapport f’Diċembru 2011 u wisq inqas li r-risposta kienet waħda negattiva f’Ottubru 2012. Għadna rridu naraw x’se jkunu l-implikazzjonijiet imma diġà għedna lill-Gvern li jekk ikun hemm effetti negattivi minħabba t-telf ta’ fondi, irridu naraw li Għawdex jiġi kkumpensat,” qal Grech.

Hu sostna li qas l-amministrazzjoni Laburista ma kienet taf dwar dawn l-iżviluppi tant li l-kamra tal-kummerċ kienet diġà ltaqgħet mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg dwar il-bżonn li Għawdex jitqies bħala reġjun.

“Dakinhar Borg ma kienx infurmat dwar dawn l-iżviluppi. Kien biss wara din il-laqgħa li meta Borg iċċekja, skopra li l-Gvern preċedenti kien diġà bagħat talbiet f’Diċembru 2011 forma ta’ sondaġġ,” temm jgħid Grech.

More in Politika