L-aħbar li l-eks preżentatur tal-PBS Norman Vella se jkun kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew qajmet dwejjaq kbar f’ħafna attivisti fil-Partit Nazzjonalista.
Uffìċjal għoli tal-PN li tkellem ma’ din il-gazzetta qal li “Din hi deċiżjoni minn fuq, jemmnu li persuna bħal Norman Vella se ġġib il-voti, ma jafux kemm hu bniedem li anke l-apparenza tiegħu ddejjaq in-nies.”
Ieħor qalilna “Daħlu f’rashom li dawn it-tip ta’ nies se jgħinu l-immaġini tal-Partit, ma jafux x’inhuma jagħmlu.”
Persuna li jaħdem fl-istamperija stqarr li “deċiżjoni bħal din tkompli tikkonferma man-nies li Where’s Everybody kienu paraventu tal-Partit Nazzjonalista”.
Vella li hu uffiċjal tad-dwana, kien sekondat mid-dwana biex jaħdem fil-PBS u mal-kumpanija ta’ Lou Bondi u Joe Azzopardi, Where’s Everybody. Spiċċa jikkappara l-ħin bejn is-7pm u t-8pm. Kien programm fejn it-twemmin politiku ta’ Norman Vella spikka, minkejja li kien il-ħin kollu jinsisti li hu indipendenti. Kienet tispikka wkoll il-preżenza ta’ Joe Azzopardi li apparti li kien jagħmel il-kafé għall-mistednin kien jassigura li l-programm jidher oġġettiv.
Norman Vella kien tkaża li hu kien tneħħa inġustament mill-PBS, sab minn fuq l-appoġġ tad-deputat Laburista Marlene Farrugia, li qabżet għal Norman Vella l-iktar għax missier Norman, li huwa Karmenu Vella, kien ħabib ta’ Marlene Farrugia.