Titjib fil-pagi u kundizzjonijiet għall-ħaddiema tal-WSC

Il-ħaddiema kollha tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid li ġie innegozjat u ffirmat fil-jiem li għaddew bejn it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU u l-management tal-Korporazzjoni. Il-ftehim kollettiv ikopri il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u 31 ta’ Diċembru 2014.
Dan il-ftehim, mhux biss se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol imma wkoll jipprovdi għal pakkett finanzjarju li jinkludi ħlas b’lura taż-żieda fil-pagi mis-sena 2011. Dawn iż-żidiet fil-pagi se jinkludu kull żieda statutorja li tingħata bħala aġġustament għall-għoli tal-ħajja.
Barra minn hekk it-Taqsima, flimkien mal-Korporazzjoni ser tibda taħdem fuq proposti ġodda, kif ukoll fuq eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tax-xogħol fil-livelli kollha. Dan bil-ħsieb li l-ftehim il-ġdid ikun iffirmat qabel l-għeluq ta’ dak eżistenti u jkun jinkludi struttura ġdida.
Il-ftehim kien iffirmat mid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u George Zahra Assistent Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi u Mark Mckay President tal-Kumitat tal-ħaddiema tal-korporazzjoni għan-naħa tal-GWU u minn William Wait, ċermen u Neville Young Direttur Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

 

More in Politika