L-eks ċermen tal-Alternattiva Demokratika Michael Briguglio qal li l-partit tal-ħodor għandu jkompli jibni fuq ir-riżultat miksub fl-aħħar elezzjoni ġenerali, u li jekk ma jiġrix dan tista’ titqies bħala disfatta għall-AD.
F’kummenti lil Illum, Briguglio spjega kif fl-2013 l-AD ġabet l-aħjar riżultat elettorali li qatt ġabet f’elezzjoni ġenerali, u dan f’kuntest diffiċli ħafna wara li f’kull elezzjoni preċedenti naqqset il-voti, kif ukoll li fl-istess waqt kien hemm mewġa ta’ votanti li riedu bidla fil-gvern u għalhekk ivvutaw lil PL.
“Issa li fl-2014 AD ipparteċipat l-elezzjonijiet Ewropej f’kuntest fejn ma hemmx deċiżjoni ta’ min se jiggverna lill-pajjiż, AD qiegħda f’kuntest ferm iktar faċli,” sostna Briguglio.
“Wieħed irid iqis ukoll li fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 AD kellha tmexxija u strateġija iktar xellugija/radikali, filwaqt li fl-elezzjoni tal-2014 AD kellha tmexxija u strateġija iktar moderata. Għaldaqstant, jekk f’din l-elezzjoni l-AD ma ġġibx żieda sostanzjali ta’ voti mill-elezzjoni ġenerali tal-2013 u mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2009, dan jista’ jitqies bħala riżultat ħażin,” qal bla tlaqliq l-eks ċermen.
“F’każ ta’ riżultat negattiv huma l-attivisti tal-AD li jiddeċiedu l-implikazzjonijiet ta’ dan ir-riżultat għall-partit. Jekk għall-kuntrarju, AD iżżid sew il-voti reġistrati u ġġib rizultat tajjeb, dan juri li AD għandha fuq xiex tibni.”
Fl-2009 l-AD kisbet riżultat diżappuntanti ta’ inqas minn sitt elef vot, wara li naqset milli tibni fuq ir-riżultat tal-ewwel elezzjoni għall-Parlament Ewropew (2004) meta kienet ġabet kważi 23 elf vot, l-aħjar riżultat li qatt inkiseb minn dan il-partit.