Mistennija maġġoranza assoluta mil-Labour minkejja tnaqqis fil-voti

Marie-Louise Coleiro Preca tivvota
Marie-Louise Coleiro Preca tivvota

L-elezzjonijiet għall-parlament Ewropew għalqu lbieraħ fl-10pm. Kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ nies li ħarġu jivvutaw meta mqabbla mal-2009. Skont il-figuri uffiċjali li ħarġet l-kummissjoni elettorali mal-75% ivvutaw ilbieraħ tnaqqis ta’ 3% mill-2009.
Ilbieraħ 344,374 votant kienu eliġibbli biex jivvutaw inkluż 7,880 votant barrani.
Skont analiżi li sar abbażi ta’ numru ta’ polls li saru f’dawn l-aħħar ħames ġimgħat tal-gazzetta MaltaToday huwa maħsub li l-Partit Laburista huwa mistenni jikseb bejn 51% u 52%. Tnaqqis meta kkomparat mal-elezzjoni ġenerali imma xorta waħda li żgur li ser jiġi interpretat bħala sodisfaċenti mill-Prim Ministru Muscat.
L-ewwel għadd huwa maħsub li jiġi mxandar fis-siegħa ta’ wara nofsinhar illum. Mill-kandidati kollha, l-eks Prim Ministru Alfred Sant huwa maħsub li jiġi elett fl-ewwel għadd, u forsi l-kandidata, eks-parlamentari Nazzjonalista fil-parlament Ewropew Roberta Metsola.
Huwa maħsub li l-erba’ kandidati l-oħra li ser jiġu eletti ser jiġu mħabbra bejn il-Ħadd u t-Tnejn, minħabba l-wirt ta’ voti minn kandidati tal-partiti tagħhom. Mhux mistenni xi trasferiment ta’ voti minn partit għall-ieħor.
Imma bħas-soltu, s-sondaġġi jibqgħu sondaġġi u kollox jista’ jiġri. Dawn l-elezzjonijiet kienu dominati minn nuqqas ta’ interess mill-elettorat.
Sa nofs il-ġurnata n-numru ta’ nies li marru jivvotaw kien ferm akbar minn 2009, imma dan aktarx kien minħabba l-logħba taċ-Champions League li seħħet bejn żewġ klabbs Spanjoli kbar tal-futbol ilbieraħ filgħaxija.
Ilbieraħ, it-tliet mexxejja ewlenin ivvutaw bl-istampa preżenti. Il-koppja Muscat ivvutat f’Burmarrad, Simon Busuttil akkumpanjat mit-tifel f’Ħal-Lija u Arnold Cassola vvota f’Pembroke.
Il-President tar-Reppublika Marie Louise Coleiro Preca flimkien mar-raġel tagħha vvutat ukoll f’Ħal-Lija. Fejn hi ma tilfitx l-opportunità li titla’ permezz ta’ lifter ġo vann tas-sorijiet li kienu qed jivvutaw fl-istess polling booth biex issellmilhom.

 

More in Politika