Għadd ta’ kaċċaturi għada huma mistennija li jimxu minn Bieb il-Belt sal-Palazz tal-President biex jippreżentaw petizzjoni lill-Membri Parlamentari. L-għan tal-petizzjoni hu li ma jsirx referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Din l-informazzjoni ngħatat f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), Joe Perici Calascione żamm lura milli jgħid kemm inġabru firem b’kollox filwaqt li kkonferma li l-petizzjoni se tiġi ppreżentata fil-Parlament mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
Perici Calascione qal li l-FKNK qed tistenna li fil-Parlament isir dibattitu serju li jwassal għal bidliet fil-liġi biex ir-referenda abrogattivi ma jintużawx biex isikktu lill-minoranzi.
L-FKNK bdiet din il-petizzjoni wara li l-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa ġabret biżżejjed firem biex isir referendum abrogattiv biex tieqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Fost il-firem li nġabru mill-FKNK hemm mal-1,600 firma miġbura minn Cyrus Engerer meta kienu għadu kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew. Engerer kien qal li ġabar dawn il-firem għax jemmen li l-Maltin għandu jkollhom l-istess drittijiet bħall-Ewropej kollha.