Il-BOV jagħti dimensjoni ġdida lill-edukazzjoni finanzjarja permezz tar-realta' virtwali
Titnieda waqt Playcon, il-logħba ta' realtà virtwali 'Crash Landed on Mars'
More in Kummer?jali
Titnieda waqt Playcon, il-logħba ta' realtà virtwali 'Crash Landed on Mars'
Il-Bank of Valletta nieda ‘Crash Landed on Mars’, logħba li permezz tar-realtà virtwali (VR) tgħin lit-tfal u liż-żgħażagħ jitgħallmu aktar dwar il-flus u l-mod kif jimmaniġġjaw il-finanzi tagħhom. Il-logħba ġiet imnedija waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Gaming Malta Playcon u tgħaqqad avventura fl-ispazju ma’ għażliet finanzjarji prattiċi, bil-għan li t-tagħlim ikun aktar divertenti u interessanti.
Il-logħba, li fiha jieħu sehem Astro Saver, il-mascot tal-BOV Young Savers, toffri lit-tfal u liż-żgħażagħ esperjenza diġitali immersiva li matulha huma mitluba jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji għaqlin biex jgħinu lil Astro Saver jirritorna lejn id-Dinja. Dawk kollha li żaru l-istand tal-BOV kienu fost l-ewwel li setgħu jesperjenzaw dan il-mod innovattiv ta’ tagħlim dwar il-finanzi.
Din l-esperjenza permezz tar-realtà virtwali hija mibnija fuq tliet pilastri ewlenin tal-edukazzjoni finanzjarja: il-qligħ tal-flus, l-infiq responsabbli u t-tfaddil biex tintlaħaq mira. Il-logħba ġiet żviluppata mit-tim tal-Marketing and Product Lifecycle Management fi ħdan il-Bank flimkien ma’ Midow Studios. L-avventura tibda fuq Mars, fejn il-parteċipanti u Astro Saver jispiċċaw wara nżul ta’ emerġenza bil-vettura spazjali tagħhom. Minn hemm tibda l-isfida biex jaħżnu biżżejjed fjuwil ħalli jkunu jistgħu jerġgħu lura lejn id-Dinja. Tul it-triq, il-parteċipanti jiffaċċjaw sensiela ta’ għażliet finanzjarji li jinfluwenzaw il-progress tagħhom. Deċiżjonijiet għaqlin jgħinuhom jiksbu jew iżommu r-riżorsi li għandhom bżonn biex itemmu l-missjoni, filwaqt li għażliet inqas għaqlin idewmuhom milli jilħqu l-għan tagħhom. Fl-aħħar tal-avventura, il-fjuwil li jkunu rnexxielhom jaħżnu permezz tad-deċiżjonijiet tagħhom jintuża biex il-vettura spazjali terġa’ taqbad triqitha lejn id-Dinja.
F’kumment dwar din l-inizjattiva, Daniel Magrin, Head-Marketing & Product Lifecycle Management tal-BOV, saħaq fuq l-impenn kontinwu tal-Bank li jħaddan l-innovazzjoni u jintroduċi modi ġodda u kreattivi kif iwassal l-edukazzjoni finanzjarja f’Malta. Huwa sostna li l-iżvilupp ta’ logħba oriġinali tar-realtà virtwali, maħsuba biex tippromwovi l-għarfien finanzjarju, jirrappreżenta pass importanti u eċċitanti, mhux biss għall-Bank of Valletta, iżda wkoll għas-settur bankarju u s-suq lokali.
Din il-logħba virtwali, li tgħaqqad id-divertiment ma’ tagħlim prattiku dwar kif wieħed jaqla’ l-flus, ifaddal u jonfoq b’mod responsabbli, tagħti lit-tfal u liż-żgħażagħ l-opportunità jitgħallmu kif jimmaniġġjaw il-flus permezz ta’ esperjenza interattiva. L-użu ta’ teknoloġiji diġitali moderni u elementi tal-logħob fit-tagħlim jirrifletti l-impenn tal-Bank li jeduka u jinforma lill-klijenti tiegħu, b’mod partikolari lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, billi jagħmel l-edukazzjoni finanzjarja aktar interessanti, memorabbli u rilevanti għall-ħajja ta’ kuljum.
L-edukazzjoni finanzjarja tibqa’ waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Bank of Valletta u tagħmel parti integrali mill-impenn tiegħu favur l-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-komunità. Hija wkoll wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Fondazzjoni BOV. Permezz ta’ dan l-impenn, il-Bank għandu l-għan li jgħin lil persuni ta’ kull età jiksbu l-għarfien finanzjarju, il-ħiliet prattiċi u l-kunfidenza meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-finanzi tagħhom f’kull stadju ta’ ħajjithom.